# L.S. 601.05, regolament 25. Proċedura biex jiġi stabbilit jekk japplikax ir-regolament 24

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/25 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/25
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Meta entità kontraenti tikkunsidra li, abbażi tal-kriterji stipulati fir-regolament 24((3), (4), (5) u (6), attività partikolari hija direttament esposta għal kompetizzjoni fis-swieq li l-aċċess għalihom mhuwiex ristrett, din tista’ tressaq talba lill-Kummissjoni biex ikun stabbilit li dawn ir-regolamenti ma japplikawx għall-għoti ta’ kuntratti jew għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet ta’ disinn għat-tkomplija ta’ dik l-attività, fejn adatt flimkien mal-pożizzjoni adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti li hija kompetenti fir-rigward tal-attività kkonċernata.
(2) It-talbiet fis-subregolament (1) jistgħu jirrigwardaw attivitajiet li jagħmlu parti minn settur akbar jew li jiġu eżerċitati biss f’ċerti partijiet ta’ Malta.
(3) Fit-talba, l-entità kontraenti kkonċernata għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar il-fatti rilevanti kollha, u b’mod partikolari dwar kwalunkwe liġi, regolament, dispożizzjoni amministrattiva jew ftehim dwar konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament 24(1) u (2).
(4) Sakemm talba li tkun ġejja minn entità kontraenti ma tkunx akkumpanjata minn pożizzjoni raġunata u sostanzjata, adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti li hija kompetenti fir-rigward tal-attività kkonċernata, li tanalizza bir-reqqa l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà possibbli tar-regolament 24(1) u (2) għall-attività kkonċernata f’konformità mar-regolament 24(3), (4), (5) u (6), il-Kummissjoni għandha immedjatament tinforma lill-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru konċernat għandu f’tali każijiet jinfurma lill-Kummissjoni dwar il-fatti rilevanti kollha, u b’mod partikolari dwar kwalunkwe liġi, regolament, dispożizzjoni amministrattiva jew ftehim dwar konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament 24(1) u (2).
(5) Wara talba mressqa f’konformità mas-subregolamenti (1) u (2), il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati fil-perjodi stipulati fl-Iskeda 6, tistabbilixxi jekk attività msemmija fir-regolamenti 7 sa 13 hijiex esposta direttament għall-kompetizzjoni abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-regolament 24.
(6) Kuntratti intenzjonati biex jippermettu t-twettiq tal-attività kkonċernata u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn li huma organizzati għas-segwitu ta’ attività bħal din, ma għandhomx jibqgħu suġġetti għal dawn ir-regolamenti fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
   (a) il-Kummissjoni tkun adottat l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-applikabbiltà r-regolament 24(1) u (2) fil-perjodu previst fl-Iskeda 6;
   (b) il-Kummissjoni ma tkunx adottat l-att ta’ implimentazzjoni fil-perjodu previst fl-Iskeda VI.
