# L.S. 601.05, regolament 2. Tifsir

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/2 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/2
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt
- Amended by: A.L. 26 tal-2018

(1) Għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti:
"akkwist" tfisser l-akkwist permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti, dejjem jekk ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jkunu maħsuba għal għan pubbliku;
"attivitajiet ta’ xiri anċillari" tfisser attivitajiet li jikkonsistu fl-għoti ta’ appoġġ għal attivitajiet ta’ xiri, b’mod partikolari fil-forom li ġejjin:
   (a) infrastruttura teknika li tippermetti lill-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti ta’ pubbliċi jew jikkonkludu ftehim qafas għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi;
   (b) pariri dwar it-tmexxija jew it-tfassil tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku;
   (ċ) tħejjija u ġestjoni ta’ proċeduri ta’ akkwist f’isem u akkont tal-awtorità kontraenti kkonċernata;
"attivitajiet ta’ xiri ċentralizzati" tfisser attivitajiet inwettqa fuq bażi permanenti, f’waħda mil-forom li ġejjin:
   (a) l-akkwist ta’ provvisti u, jew servizzi intiżi għal awtoritajiet kontraenti;
   (b) l-għotja ta’ kuntratti pubbliċi jew il-konklużjoni ta’ ftehim qafas għal-xogħoljiet, provvisit jew servizzi intiżi għal awtoritajiet kontraenti;
"avviż" tfisser a avviż pubblikat fil-Gazzetta;
"avviż dwar l-għoti tal-kuntratt" tfisser avviż li jiġi pubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
"avviż ta’ kuntratt" tfisser avviż li jiġi pubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
"avviżi ta’ perjodu minn qabel" tfisser avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali;
"awtoritajiet kontraenti" tfisser awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi rregolati mil-liġi pubblika, l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati mil-liġi pubblika.
"awtoritajiet lokali" tinkludi l-awtoritajiet kollha tal-unitajiet amministrattivi li jaqgħu taħt NUTS 3 u unitajiet amministrattivi iżgħar, kif imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003;
"awtoritajiet reġjonali" tinkludi l-awtoritajiet kollha elenkati b’mod mhux eżawrjenti f’NUTS 1 u 2, kif imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
"Bord ta’ Reviżjoni" għandu jkollha l-istess tifsira mogħtija lilha fir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku;
"Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi" tfisser il-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi kif stabbilit taħt ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku;
"ċiklu tal-ħajja" tfisser l-istadji konsekuttivi u, jew marbutin bejniethom kollha, inklużi r-riċerka u l-iżvilupp li għandhom isiru, il-produzzjoni, il-kummerċ u l-kundizzjonijiet tiegħu, it-trasport, l-użu u l-manutenzjoni, matul l-eżistenza kollha tal-prodott jew ix-xogħlijiet jew il-forniment ta’ servizz, mix-xiri ta’ materja prima jew il-ġenerazzjoni ta’ riżorsi sar-rimi, l-approvazzjoni u t-tmiem is-servizz jew l-użu;
"CPV" tfisser il-Vokabularju Komuni dwar l-Akkwisti Pubbliċi kif adottat bir-Regolament (KE) Nru 2195/2002, kif emendat minn żmien għal żmien;
"Direttur" tfisser id-Direttur tal-Kuntratti li jmexxi d-Dipartiment tal-Kuntratti;
"dokument tal-akkwist" tfisser kwalunkwe dokument prodott jew imsemmi mill-awtorità kontraenti sabiex tiddeskrivi jew tiddetermina elementi tal-akkwist jew tal-proċedura, inkluż l-avviż ta’ kuntratt, l-avviż perjodiku informattiv jew l-avviżi perjodiċi informattivi dwar l-eżistenza tas-sistema ta’ kwalifiki fejn dawn jintużaw bħala mezz ta’ sejħa għal kompetizzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, id-dokument deskrittiv, il-kundizzjonijiet proposti tal-kuntratt, il-formati għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti mill-kandidati u l-offerenti, informazzjoni dwar l-obbligi applikabbli b’mod ġenerali u kwalunkwe dokument addizzjonali;;
"fornitur ta’ servizzi ta’ akkwist" tfisser korp pubbliku jew privat li joffri attivitajiet ta’ xiri anċillari fuq is-suq;
"ftehim qafas" tfisser ftehim bejn awtorità kontraenti waħda jew aktar u operatur ekonomiku wieħed jew aktar, li l-għan tiegħu jkun sabiex jistabbilixxi t-termini li jirregolaw il-kuntratti li jingħataw matul perjodu speċifikat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ prezz, u fejn xieraq, il-kwantità prevista;
"ineffettività" għandu jkollha l-istess tifsira mogħtija lilha fir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku;
"innovazzjoni" tfisser l-implementazzjoni ta’ prodott, servizz jew proċess ġdid jew imtejjeb b’mod sinifikanti, inkluż iżda mhux limitat għall-proċessi ta’ produzzjoni, bini jew kostruzzjoni, metodu ġdid ta’ kummerċjalizzazzjoni, jew metodu organizzattiv ġdid fil-prattiki tan-negozju, organizzazzjoni tal-post tax-xogħol jew relazzjonijiet esterni li fost l-oħrajn ikollha l-għan li tgħin biex jissolvew l-isfidi tas-soċjetà jew li tappoġġa l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;
"kandidat" tfisser operatur ekonomiku li jkun fittex stedina jew li jkun ġie mistieden jieħu sehem fi proċedura ristretta, f’proċedura kompetittiva negozjata, f’proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel, f’djalogu kompetittiv jew fi sħubija għall-innovazzjoni;
"kompetizzjonijiet ta’ disinn" tfisser dawk il-proċeduri li jgħinu lill-entità kontraenti biex takkwista pjanijiet jew disinni magħżula minn ġurija wara li jkunu nħarġu għal kompetizzjoni bi jew mingħajr l-għoti ta’ premjijiet, prinċipalment fl-oqsma tal-ippjanar tat-territorju, l-arkitettura, l-inġinerija u l-ipproċessar tad-data;
"Korp għall-Valutazzjoni tal-Konformità" għandu jkun korp li jwettaq attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità inkluż l-ikkalibrar, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti;
"korp ċentrali ta’ xiri" tfisser entità kontraenti li tipprovdi attivitajiet ta’ xiri ċentralizzati u, possibbilment, attivitajiet ta’ xiri anċillari: Iżda akkwist imwettaq minn korp ċentrali ta’ xiri sabiex jitwettqu attattivitajiet ta’ xiri ċentralizzati għandu jitqies bħala akkwist għat-twettiq ta’ attività kif deskritt fir-regolament 7 sa 13. Ir-regolament 15 ma għandux japplika għal akkwist imwettaq minn korp ċentrali ta’ xiri sabiex jitwettqu attivitajiet ta’ xiri ċentralizzati;
"korpi rregolati mil-liġi pubblika" tfisser korpi li jkollhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:
   (a) huma stabbiliti għal għanijiet speċifiċi sabiex jilħqu l-ħtiġiet fl-interess ġenerali, li ma jkollhomx karattru industrijali jew kummerċjali;
   (b) għandhom personalità ġuridika; u
   (ċ) huma ffinanzjati, fil-parti l-kbira, mill-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika, jew soġġetti għal superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew dak il-korp; jew li għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jinħatru mill-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika;
"Kumitat ta’ Evalwazzjoni" tfisser bordijiet jew kumitati maħtura minn awtoritajiet kontraenti bil-għan li jevalwaw offerti riċevuti u sabiex jagħmlu rakkommandazzjonijiet dwarhom;
"Kumitati tal-Kuntratti" tfisser il-Kumitat tal-Kuntratti Ġenerali u, jew il-Kumitat Speċjali tal-Kuntratti;
"Kummissjoni" tfisser il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea;
"kunflitti ta’ interess" għandha tfisser mill-inqas sitwazzjoni fejn membri tal-istaff tal-awtorità kontraenti jew ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ akkwist li jkunu qegħdin jaġixxu għan-nom tal-awtorità kontraenti li jkunu involuti fit-twettiq tal-proċeduri tal-akkwist jew li jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultat ta’ dik il-proċedura jkollhom, direttament jew indirettament, interess finanzjarju, ekonomiku jew personali ieħor li jista’ jiġi kkunsidrat li jikkomprometti l-imparzjalità u l-indipendenza tagħhom fil-kuntest tal-proċedura tal-akkwist;
"kuntratti diretti" tfisser kuntratti mogħtija mingħajr rikors ta’ sejħa minn qabel għal kompetizzjoni;
"kuntratti ta’ provvista" tfisser kuntratti li għandhom bħala objettiv tagħhom ix-xiri, it-twellija, il-kera jew ix-xiri bil-kiri, b’għażla jew mingħajr għażla tal-fakultà tax-xiri, ta’ prodotti. Kuntratt ta’ provvista jista’ jinkludi, bħala aspett sekondarju, attivitajiet fuq il-post u ta’ installazzjoni;
"kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizzi" tfisser kuntratti għall-interess finanzjarju konklużi bil-miktub bejn entità kontraenti waħda jew aktar imsemmija fir-regolament 2(2), u bejn kuntrattur, fornitur jew provditur ta’ servizz wieħed jew aktar;
"kuntratti ta’ servizz" tfisser kuntratti li jkollhom l-objettiv tagħhom il-forniment ta’ servizzi barra minn dawk imsemmija fit-tifsira "kuntratti ta’ xogħlijiet";
"kuntratti ta’ xogħlijiet" tfisser kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan wieħed minn dawn li ġejjin:
   (a) l-eżekuzzjoni jew, kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet, fis-sens tal-Iskeda XI;
   (b) l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħol;
   (ċ) it-twettiq bi kwalunkwe mezz ta’ xogħol li jikkorrispondi għar-rekwiżiti speċifikati mill-entità kontraenti li teżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tip jew id-disinn tax-xogħol;
"mezz elettroniku" tfisser mezz li juża tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluż il-kompressjoni diġitali) u l-ħażna tad-data, li tiġi trażmessa, imwassla u riċevuta bil-wajers, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi elettromanjetiċi oħra;
"miktub" jew "bil-miktub" tfisser kull espressjoni li tikkonsisti fi kliem jew ċifri li jistgħu jinqraw, jiġu riprodotti jew ikkommunikati wara, inkluża informazzjoni trażmessa u maħżuna permezz ta’ mezzi elettroniċi;
"modifika" tfisser kull bidla, varjazzjoni jew emenda tat-termini oriġinali tal-kuntratt inkluż, iżda mhux limitat għal, l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet u għat-tneħħija jew is-sostituzzjoni ta’ kundizzjonijiet eżistenti;
"Ministru" tfisser il-Ministru responsabbli għall-finanzi;
"offerent" tfisser operatur ekonomiku li ssottometta offerta;
"offerta dipartimental" tfisser offerti maħruġa minn awtorità kontraenti b’valur stmat li jaqa’ taħt il-limitu stabbilit taħt ir-regolament 30(1)(a);
"offerta mhux konformi" tfisser offerta li ma tkunx tikkonforma mal-pattijiet u l-kundizzjonijiet speċifikati fl-avviż jew fl-avviż tal-UE biex isiru offerti jew fid-dokumenti tal-offerta nnifishom;
"offerti inaċċettabbli" tfisser offerenti li ma jkollhomx il-kwalifiki mitluba, u offerti li l-prezz tagħhom jeċċedi l-baġit tal-awtorità kontraenti kif determinat u dokumentat qabel it-tnedija tal-proċedura tal-akkwist;
"offerti irregolari" tfisser offerti li ma jikkonformawx mad-dokumenti ta’ akkwist, li jkunu ġew riċevuti tard, fejn ikun hemm evidenza ta’ kollużjoni jew korruzzjoni, jew li jkunu instabu baxxi b’mod anormali mill-entità kontraenti;
"operatur ekonomiku" tfisser kull persuna naturali jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ persuni bħal dawn, jew entitajiet, inklużi kull assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi;
"persuna black listed" għandu jkollha l-istess tifsira mogħtija lilha fir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku;
"pjattaforma tal-akkwist elettoniku tal-gvern" tfisser il-pjattaforma elettronika għal akkwist stabbilit mid-Direttur;
"referenza teknika" tfisser kwalunkwe proġett imwettaq mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni, għajr standards Ewropej, skont il-proċeduri adattati għall-iżvilupp tal-ħtiġijiet tas-suq;
"rekwiżiti tat-tikketta" tfisser ir-rekwiżiti li għandhom jintlaħqu mix-xogħlijiet, il-prodotti, is-servizzi, il-proċessi jew il-proċeduri partikolari sabiex tinkiseb it-tikketta kkonċernata;
"SME" għandha tinftiehem kif imfissra fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju;
"speċifikazzjoni teknika" tfisser kemm -
   (a) fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet, it-totalità tal-preskrizzjonijiet tekniċi li jinsabu b’mod partikolari fid-dokumenti tal-akkwist, li tiddefinixxi l-karatteristiċi meħtieġa minn materjal, prodott jew provvista, li tippermetti li materjal, prodott jew provvista jkunu deskritti b’mod li jwettqu tajjeb l-użu li jkunu intenzjonati għalih mill-entità kontraenti; dawk il-karatteristiċi jinkludu livelli ta’ prestazzjoni ambjentali u klimatika, disinn għall-ħtiġijiet kollha (inkluż l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità) u valutazzjoni tal-konformità, prestazzjoni, sikurezza jew dimensjonijiet, inkluż il-proċeduri dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità, terminoloġija, simboli, ittestjar u metodi tal-ittestjar, imballaġġ, immarkar u tikkettar, struzzjonijiet għall-utent, u proċessi u metodi ta’ produzzjoni fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tax-xogħlijiet; dawk il-karatteristiċi jinkludu wkoll regoli dwar id-disinn u l-kalkolu tal-ispejjeż, il-kundizzjonijiet tal-ittestjar, spezzjoni u aċċettazzjoni għax-xogħlijiet u l-metodi jew it-teknika tal-kostruzzjoni u l-kundizzjonijiet tekniċi kollha l-oħra li l-entità kontraenti tkun f’pożizzjoni li tippreskrivi, skont regolamenti ġenerali jew speċifiċi, fir-rigward tax-xogħlijiet kompluti u tal-materjali jew il-partijiet li jinvolvu;
   (b) fil-każ ta’ kuntratti ta’ servizz jew provvista, speċifikazzjoni f’dokument li jiddefinixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott jew servizz, bħal-livelli ta’ kwalità, il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali u klimatika, id-disinn għar-rekwiżiti kollha (inkluża l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità) u valutazzjoni tal-konformità, il-prestazzjoni, l-użu tal-prodott, is-sikurezza jew id-dimensjonijiet, inklużi rekwiżiti rilevanti għall-prodott fir-rigward tal-isem li taħtu jinbiegħ il-prodott, it-terminoloġija, is-simboli, l-ittestjar u l-metodi ta’ ttestjar, l-imballaġġ, l-immarkar u t-tikkettar, l-istruzzjonijiet għall-utenti, il-proċessi u l-metodi ta’ produzzjoni f’kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-provvista jew servizz u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità;
"speċifikazzjonijet tekniċi komuni" tfisser speċifikazzjoni teknika fil-qasam tal-ICT stabbilit skont l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 1025/2012;
"standard" tfisser speċifikazzjoni teknika adottata minn korp ta’ standardizzazzjoni rikonoxxut, għal applikazzjoni repetuta jew kontinwa, li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja u li hija waħda milli ġejjin:
   (a) "standard internazzjonali" tfisser standard adottat minn organizzazzjoni internazzjonali tal-istandards u maħruġ għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali,
   (b) "standard Ewropew" tfisser standard adottat minn organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni u maħruġ għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali,
   (ċ) "standard nazzjonal" tfisser standard adottat minn organizzazzjoni nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u maħruġ għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali;
"Stat Membru" tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
"tikketta" tfisser kwalunkwe dokument, ċertifikat jew attestazzjoni uffiċjali li tikkonferma li x-xogħlijiet, il-prodotti, is-servizzi, il-proċessi jew il-proċeduri partikolari jilħqu ċerti rekwiżiti;
"TFUE" tfisser it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
"Valutazzjoni Teknika Ewropea" tfisser il-valutazzjoni dokumentata tal-prestazzjoni ta’ prodott ta’ kostruzzjoni, f’rabta mal-karatteristiċi essenzjali tiegħu, f’konformità mad-Dokument ta’ Valutazzjoni Ewropew, kif imfisser fil-punt 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
"VAT" tfisser il-valur miżjud skont l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud;
"xogħol" tfisser l-eżitu tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni u inġinerija ċivili meħuda bħala ħaġa waħda li fiha nnifiha hija suffiċjenti biex taqdi funzjoni ekonomika jew teknika.
(2) "Entitajiet kontraenti" huma entitajiet li:
   (a) huma awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi u li jsegwu waħda mill-attivitajiet imsemmija fir-regolamenti 8 sa 14;
   (b) meta dawn ma jkunux awtoritajiet kontraenti jew impriżi pubbliċi, ikollhom bħala waħda mill-attivitajiet tagħhom xi waħda mill-attivitajiet imsemmija fir-regolamenti 7 sa 13, jew kwalunkwe taħlita tagħhom u joperaw fuq il-bażi ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi mogħtija minn awtorità kompetenti.
(3)
   (a) "impriża pubblika" tfisser kull impriża li fuqha l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeżerċitaw influwenza dominanti b’mod dirett jew indirett minħabba li din tkun proprjetà tagħhom, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha;
   (b) influwenza dominanti min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti għandha ssir fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin li fihom dawk l-awtoritajiet, b’mod dirett jew indirett:
      (i) ikollhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-impriża;
      (ii) ikunu jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta ma’ ishma maħruġa mill-impriża,
      (iii) ikunu jistgħu jaħtru aktar min-nofs il-korp amministrattiv, maniġerjali, superviżorju tal-impriża.
(4) Għall-finijiet tas-subregolamenti (2) u (3):
   (a) drittijiet speċjali jew esklużivi mogħtija minn awtorita kompetenti permezz ta’ xi dispożizzjoni leġislattiva, regolatorja jew amministrattiva li l-effett tagħha huwa li tillimita l-eżerċizzju ta’ attivitajiet kif imfisser fir-regolamenti 7 sa 13 għal entità waħda jew aktar, u li sostanzjalment taffettwa l-kapaċità ta’ entitajiet oħra li jwettqu din l-attività.
   (b) drittijiet li ngħataw permezz ta’ proċedura li fiha ġiet żgurata pubbliċità adegwata u fejn l-għoti ta’ dawk id-drittijiet kien ibbażat fuq kriterji oġġettivi ma għandhomx jikkostitwixxu drittijiet speċjali jew esklużivi fis-sens tal-paragrafu (a). Proċeduri bħal dawn jinkludu:
      (i) proċeduri ta’ akkwist b’sejħa għal kompetizzjoni minn qabel b’konformità mar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, ir-Regolamenti dwar il-Kuntratti ta’ Konċessjoni, dawn ir-regolamenti jew ir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi minn Awtoritajiet jew Entitajiet Kontraenti fl-Oqsma tad-Difiża u s-Sigurtà;
      (ii) proċeduri skont atti legali oħra tal-Unjoni elenkati fl-Iskeda 2, li jiżguraw trasparenza adegwata minn qabel għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi.
