# L.S. 601.05, regolament 180. Tmiem ta’ kuntratti

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/180 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/180
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) L-entitajiet kontraenti jistgħu itemmu kuntratt matul it-termini tiegħu, meta:
   (a) il-kuntratt kien soġġett għal modifika sostanzjali li kienet tkun tirrikjedi proċedura ġdida ta’ akkwist skont ir-regolament 177;
   (b) il-kuntrattur kien, fil-mument tal-għoti tal-kuntratt, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fit-Taqsima VI tar-Regolamenti tal-2016 dwar l-Akkwist Pubbliku u għalhekk kellu jiġi eskluż mill-proċedura tal-akkwist;
   (ċ) il-kuntratt ma kellux jingħata lill-kuntrattur fid-dawl ta’ ksur serju tal-obbligi skont it-Trattati u dawn ir-regolamenti li ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi proċedura skont l-Artikolu 258 tat-TFUE;
   (d) il-kuntrattur jonqos milli jwettaq obbligu li huwa jkun kuntrattat.
(2) Jekk l-awtorità kontraenti ma jkollhiex raġuni valida għat-terminazzjoni, hija għandha tikkumpensa lill-kuntrattur l-ispejjeż u x-xogħol kollu tiegħu u tħallsu s-somma stabbilita mill-qorti, skont iċ-ċirkustanzi, iżda s-somma ma għandhiex taqbeż is-somma tal-profitti li l-kuntrattur seta’ jagħmel mill-kuntratt.
(3) Jekk l-awtorità kontraenti jkollha raġuni valida għat-tmiem, hija għandha tħallas lill-kuntrattur, dik is-somma biss li ma ta taqbiżx l-ispejjeż u x-xogħol attwali ppruvati tal-kuntrattur.
(4) Kull ħlas li jkun sar bil-quddiem lill-kuntrattur qabel it-tmien tal-kuntratt għandu jiġu applikat għas-somma dovuta skont is-subregolamenti (2) jew (3) u l-kuntrattur għandu jrodd lura lill-awtorità kontraenti kull żejjed li jibqa’.
(5) Il-kuntratt għandu jintemm immedjatament meta l-awtorità kontraenti tinforma lill-kuntrattur, b’kull mezz li jkun, tad-deċiżjoni tagħha biex itemm il-kuntratt, u dan mingħajr il-ħtieġa ta’ xi awtorizzazzjoni u konferma minn xi qorti jew Bord.
