# L.S. 601.05, regolament 18. Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ servizzi

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/18 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/18
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Dawn ir-regolamenti ma għandhomx japplikaw għal:
   (a) l-akkwist jew il-kiri, permezz ta’ kwalunkwe mezz finanzjarju, ta’ art, bini eżistenti, jew proprjetà immobbli oħra jew drittijiet konċernati fuqhom;
   (b) servizzi ta’ arbitraġġ u konċiljazzjoni;
   (ċ) rappreżentanza legali ta’ klijent minn avukat fit-tifsira tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta’ Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati fi:
      (i) arbitraġġ jew konċiljazzjoni li jsiru fi Stat Membru, pajjiż terz jew quddiem istanza internazzjonali ta’ arbitraġġ jew konċiljazzjoni;
      (ii) proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-qrati, it-tribunali jew l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew pajjiż terz jew quddiem qrati, tribunali jew istituzzjonijiet internazzjonali;
   (d) parir legali mogħti bi tħejjija għal kwalunkwe wieħed mill-proċedimenti msemmija fil-paragrafu (ċ) jew meta jkun hemm indikazzjoni tanġibbli u probabbiltà għolja li l-kwistjoni li dwarha jingħata l-parir issir is-suġġett ta’ tali proċedimenti, dment li l-parir jingħata minn avukat fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/249/KEE ta’ Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati;
   (e) servizzi ta’ ċertifikazzjoni u awtentikazzjoni ta’ dokumenti li għandhom jingħataw minn nutara;
   (f) servizzi legali mogħtija minn trustees jew gwardjani maħturin jew servizzi legali oħrajn li l-fornituri tagħhom huma indikati minn qorti jew tribunal fl-Istat Membru kkonċernat jew minn liġi biex iwettqu kompiti speċifiċi taħt is-superviżjoni ta’ tribunali jew qrati bħal dawn;
   (g) servizzi legali oħrajn li huma konnessi, ukoll b’mod okkażjonali, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali;
   (h) servizzi finanzjarji marbuta mal-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta’ titoli jew strumenti finanzjarji oħra skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda l-operazzjonijiet imwettqa bil-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà;
   (i) self, irrispettivament jekk huwiex marbut mal-kwistjoni, bejgħ, xiri jew trasferiment ta’ titoli jew strumenti finanzjarji oħra;
   (j) kuntratti ta’ impjieg;
   (k) servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija jew metro;
   (l) difiża ċivili, protezzjoni ċivili, u ta’ prevenzjoni ta’ perikolu li huma fornuti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ profitt, u li huma koperti mill-kodiċi CPV: 75250000-3, 75251000-0, 75251100-1, 75251110-4, 75251120-7, 75252000-7, 75222000-8; 98113100-9 u 85143000-3 minbarra servizzi tal-ambulanza għat-trasport ta’ pazjenti;
   (m) kuntratti għal ħin ta’ xandir jew il-forniment ta’ programm li huma mogħtija lil fornituri ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva jew tar-radju.
   (n) kuntratti ta’ servizzi għal servizzi ta’ riċerka u żvilupp barra minn dawk il-kuntratti ta’ servizzi għal servizzi ta’ riċerka u żvilupp li huma koperti mill-Kodiċi CVP 73000000-2 sa 73120000-9, 73300000-5, 73420000-2 u 73430000-5 li l-benefiċċji jkunu dovuti esklużivament lill-awtorità kontraenti għall-użu tagħhom fit-twettiq tan-negozju proprju tagħha, bil-kundizzjoni li s-servizz ipprovdut huwa kompletament remunerat mill-awtorità kontraenti.
   (o) meta jiġi approvat mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE.
(2) Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament:
"fornituri ta’ servizzi tal-media", b’mod limitat għall-finijiet tas-subregolament (1)(m), għandu jkollha l-istess tifsira bħal dik skont il-punt (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva;
"materjal tal-programm" għandu jkollha l-istess tifsira bħat-tifsira "programm";
"programm" għandu jkollha l-istess tifsira bħal dik skont il-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva u għandha wkoll tinkludi programmi tar-radju u materjali tal-programmi.
