# L.S. 601.05, regolament 177. Modifiki

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/177 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/177
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Għal offerti b’valur stmat li jaqa’ taħt ir-regolament 30(1) u wara l-approvazzjoni minn qabel tad-Direttur, l-entità kontraenti tista’ tordna modifiki lill-kuntratt mingħajr proċedura ġdida ta’ akkwist f’kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin:
   (a) fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur monetarju tagħhom, ikunu ġew previsti fid-dokumenti inizjali tal-akkwist fi klawsoli ta’ reviżjoni ċari, preċiżi u inekwivokabbli, li jistgħu jinkludi klawsoli ta’ reviżjoni ta’ prezzijiet, jew għażliet. Dawn il-klawsoli għandhom jiddikjaraw il-kamp ta’ applikazzjoni u n-natura tal-modifiki jew l-għażliet possibbli kif ukoll il-kundizzjonijiet li skonthom dawn jistgħu jintużaw. Huma ma għandhomx jipprevedu modifiki jew għażliet li jibdlu n-natura ġenerali tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas;
   (b) għal xogħlijiet, servizzi jew provvisti addizzjonali mill-kuntrattur oriġinali, irrispettivament mill-valur tagħhom, li saru neċessarji u li ma kinux inklużi fl-akkwist inizjali fejn bidla fil-kuntrattur:
      (i) ma tistax issir għal raġunijiet ekonomiċi jew tekniċi bħalma huma r-rekwiżiti li tagħmir eżistenti jista’ jinbidel ma’ xulxin jew l-interoperabbiltà tiegħu, software, servizzi jew installazzjonijiet eżistenti akkwistati taħt l-akkwist inizjali; u
      (ii) tikkawża inkonvenjenza sinifikanti jew duplikazzjoni sostanzjali tal-ispejjeż għall-entità kontraenti;
   (ċ) fejn jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
      (i) il-ħtieġa għal modifika nġiebet minħabba ċirkustanzi li entità kontraenti diliġenti ma setgħetx tbassar;
      (ii) il-modifika ma tibdilx in-natura ġenerali tal-kuntratt;
   (d) fejn kuntrattur ġdid jissostitwixxi dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-entità kontraenti bħala konsegwenza ta’ wieħed minn dawn:
      (i) klawsola ta’ reviżjoni jew għażla inekwivoka f’konformità mal-paragrafu (a),
      (ii) suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-kuntrattur inizjali, wara ristrutturar korporattiv, inkluż teħid ta’ pussess, amalgamazzjoni u akkwist jew insolvenza, ta’ operatur ekonomiku ieħor li jissodisfa l-kriterji tal-għażla kwalitattiva stabbiliti inizjalment, dment li dan ma jwassalx għal modifiki sostanzjali oħra għall-kuntratt u ma jkunx immirat lejn iċ-ċirkomvenzjoni tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti; jew
      (iii) f’każ li l-awtorità kontraenti nnifisha tassumi l-obbligi tal-kuntrattur ewlieni lejn is-sottokuntratturi tiegħu;
   (e) fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur tagħhom, ma jkunux sostanzjali fis-sens tas-subregolament (5): Iżda meta varjazzjoni b'mod kumulattiv taqbeż l-ammont stabbilit taħt is-subregolment (3), l-entità kontraenti għandha tikseb l-approvazzjoni minn qabel tad-Direttur.
(2) L-entitajiet kontraenti li jkunu mmodifikaw kuntratt fil-każijiet stabbiliti taħt is-subregolment (1)(b) u (ċ) għandhom jippubblikaw avviż għal dak il-għan fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan l-avviż għandu jkun fih l-informazzjoni stipulata fl-Iskeda 15 u jkun ippubblikat f’konformità mar-regolament 78.
(3) Mingħajr l-ebda ħtieġa li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet stipulati taħt is-subregolment (5)(a) sa (d) humiex sodisfatti, il-kuntratti jistgħu ugwalment jiġu mmodifikati mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura ġdida tal-akkwist f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti fejn il-valur tal-modifika jkun anqas miż-żewġ valuri li ġejjin:
   (a) il-limiti stabbilit fir-regolament 15; u
   (b) 10% tal-valur tal-kuntratt inizjali għall-kuntratti ta’ servizz u ta’ provvista u taħt il-15% tal-valur tal-kuntratt inizjali għall-kuntratti ta’ xogħlijiet: Iżda, il-modifika ma tistax tibdel in-natura ġenerali tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas. Fejn isiru diversi modifiki suċċessivi, il-valur għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi tal-valur kumulattiv nett tal-modifiki suċċessivi.
(4) Għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezzijiet imsemmija fis-subregolament (3), il-prezz aġġornat għandu jkun il-valur ta’ referenza meta l-kuntratt jinkludi klawsoli tal-indiċjar.
(5) Modifika ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas matul it-terminu tiegħu għandha titqies bħala sostanzjali skont it-tifsira tas-subregolament (1)(e), fejn din twassal li l-kuntratt jew il-ftehim qafas ikun materjalment differenti fin-natura minn dak inizjalment konkluż. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr preġudizzju għas-subregolamenti (1), (2) u (3), modifika għandha titqies bħala sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
   (a) il-modifika tintroduċi kundizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura tal-akkwist inizjali, kienu jippermettu l-ammissjoni ta’ kandidati oħra minbarra dawk magħżula inizjalment jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta oħra minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura tal-akkwist;
   (b) il-modifika tibdel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas favur il-kuntrattur b’tali mod li ma kienx previst fil-kuntratt jew fil-ftehim qafas inizjali;
   (ċ) il-modifika testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas b’mod konsiderevoli;
   (d) fejn kuntrattur ġdid jissostitwixxi dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-entità kontraenti f’każijiet oħra minbarra dawk previsti taħt is-subregolment (1)(d).
(6) Proċedura ġdida tal-akkwist f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti għandha tkun meħtieġa għal modifiki oħra tad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet, provvista jew servizz jew ftehim qafas matul it-terminu tiegħu minbarra dawk previsti taħt is-subregolamenti (1), (2) u (3).
