# L.S. 601.05, regolament 175. Varjanti

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/175 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/175
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Għal offerti li jkollhom valur stmat li jaqa’ taħt ir-regolament 30(1)(b), l-entitajiet kontraenti jistgħu jawtorizzaw jew jeżiġu l-offerenti jissottomettu varjanti li jilħqu r-rekwiżiti minimi speċifikati mill-entitajiet kontraenti.
(2) Fid-dokumenti tal-akkwist, l-entitajiet kontraenti għandhom jindikaw jekk jawtorizzawx jew jesiġux varjanti u, jekk iva, ir-rekwiżiti minimi li għandhom jiġu milħuqa mill-varjanti u kwalunkwe rekwiżit speċifiku għall-preżentazzjoni tagħhom, b’mod partikolari jekk il-varjanti jistgħux jiġu ppreżentati biss fejn offerta, li ma tkunx varjant, tkun ġiet ippreżentata wkoll.
(3) Fejn ikunu awtorizzati jew rikjesti varjanti, l-entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw ukoll li l-kriterji tal-għoti magħżula jistgħu jiġu applikati għall-varjanti li jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti minimi kif ukoll għal offerti li jikkonfermaw li mhumiex varjanti.
(4) Fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista jew kuntratti ta’ servizzi, l-entitajiet kontraenti li awtorizzaw jew irrikjedew varjanti ma għandhomx jirrifjutaw varjant fuq il-bażi unika li, jekk jintlaqa’, dan iwassal jew għal kuntratt ta’ servizz minflok kuntratt ta’ provvista jew għal kuntratt ta’ provvista minflok kuntratt ta’ servizz.
