# L.S. 601.05, regolament 174. Offerti Baxxi b’mod anormali

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/174 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/174
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt
- Amended by: A.L. 196 tal-2020

(1) L-entitajiet kontraenti għandhom jitolbu lill-operaturi ekonomiċi sabiex jispjegaw il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerti, meta jidher li l-offerti huma baxxi b’mod anormali fir-rigward tal-ħidma, il-provvisti jew is-servizzi.
(2) L-ispjegazzjonijiet imsemmija fis-subregolament (1) jistgħu jkunu relatati b’mod partikolari ma’:
   (a) l-ekonomija tal-proċess ta’ manifattura, tas-servizzi pprovduti jew tal-metodu ta’ kostruzzjoni;
   (b) is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew kwalunkwe kundizzjoni eċċezzjonalment favorevoli disponibbli għall-offerent għall-forniment ta’ prodotti jew is-servizzi jew għat-twettiq tax-xogħol;
   (ċ) l-oriġinalità tal-provvisti, is-servizzi jew ix-xogħol proposti mill-offerent;
   (d) konformità mal-obbligi msemmijin fir-regolament 34(m);
   (e) konformità mal-obbligi msemmijin fir-regolament 83;
   (f) il-possibbiltà li l-offerent jikseb għajnuna mill-Istat.
(3) L-entità kontraenti għandha tivvaluta l-informazzjoni pprovduta billi tikkonsulta lill-offerent. Din tista’ tiċħad l-offerta biss fejn l-evidenza pprovduta ma tagħtix ġustifikazzjoni sodisfaċenti tal-livell baxx tal-prezz jew tal-ispejjeż proposti, b’kont meħud tal-elementi msemmija fis-subregolament (2).
(4) L-entitajiet kontraenti għandhom jiċħdu l-offerta, fejn ikunu stabbilixxew li l-offerta hija baxxa b’mod anormali għax ma tikkonformax mal-obbligi applikabbli msemmija fir-regolament 34(m).
(5) Fejn entità kontraenti tistabbilixxi li offerta hija baxxa b’mod anormali għax l-offerent ikun kiseb għajnuna mill-Istat, l-offerta tista’ tiġi miċħuda għal dik ir-raġuni waħedha iżda biss wara konsultazzjoni mal-offerent fejn, fil-limitu ta’ żmien suffiċjenti stabbilit mill-entità kontraenti, dan tal-aħħar ma jkunx jista’ juri li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fejn l-entità kontraenti tiċħad offerta f’dawk iċ-ċirkustanzi, din għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar dan.
