# L.S. 601.05, regolament 173. L-infurmar lill-applikanti għall-kwalifika, kandidati u offerenti

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/173 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/173
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) L-entitajiet kontraenti u jew id-Direttur għandhom, skont il-każ, malajr kemm jista’ jkun, jinfurmaw lil kull kandidat u offerent bid-deċiżjonijiet li ħadu rigward il-konklużjoni ta’ ftehim qafas, l-għoti ta’ kuntratt jew ammissjoni għal sistema dinamika ta’ xiri, inklużi r-raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni li ma jiġix konkluż ftehim qafas, li ma jingħatax kuntratt li għalih tkun saret sejħa għal kompetizzjoni jew li terġa’ tinfetaħ il-proċedura, jew li ma tiġix implimentata sistema dinamika ta’ xiri.
(2) Fuq talba minn kwalunkwe kandidat jew offerent ikkonċernat, malajr kemm jista’ jkun, u f’kull eventwalità fi żmien ħmistax-il ġurnata minn meta tasal talba bil-miktub, l-entitajiet kontraenti għandhom jinfurmaw:
   (a) lil kull kandidat li ma ġiex aċċettat bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal parteċipazzjoni;
   (b) lil kull offerent li ma ġiex aċċettat bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, inklużi, għall-każijiet imsemmija fir-regolament 76(9), (10) u (11), ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ ekwivalenza jew għad-deċiżjoni tagħha li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni jew dawk funzjonali;
   (ċ) lil kull offerent li għamel offerta ammissibbli bil-karatteritsiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, kif ukoll l-isem tal-offerenti jew il-partijiet għall-ftehim qafas li ntagħżlu;
   (d) lil kull offerent li għamel offerta ammissibbli bit-twettiq u l-progress tan-negozjati u d-djalogu mal-offerenti.
(3) L-entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jżommu ċerta informazzjoni msemmija fis-subregolamenti (1) u (2) dwar l-għoti ta’ kuntratt, il-konklużjoni tal-ftehim qafas jew dwar l-ammissjoni għal sistema dinamika ta’ xiri għandha tiġi miżmuma fejn ir-rilaxx tagħha ixxekkel l-infurzar tal-liġi jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku jew tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku partikolari, pubbliku jew privat, jew li tkun tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni leali bejn l-operaturi ekonomiċi.
