# L.S. 601.05, regolament 171. Spejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/171 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/171
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) L-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja għandhom, sa fejn ikun rilevanti, ikopru l-ispejjeż kollha li ġejjin jew partijiet minnhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott, servizz jew xogħlijiet:
   (a) spejjeż li jaqgħu fuq l-entità kontraenti jew utenti oħra, bħal:
      (i) spejjeż relatati mal-akkwist;
      (ii) spejjeż tal-użu, bħal konsum tal-enerġija u riżorsi oħra;
      (iii) spejjeż tal-manutenzjoni;
      (iv) spejjeż ta’ tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja, bħall-ġbir u l-ispejjeż tar-reċiklaġġ;
   (b) spiża attribwita lil esternalitajiet ambjentali marbuta mal-prodott, is-servizz jew ix-xogħlijiet matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu, dment li l-valur monetarju tagħhom jista’ jiġi ddeterminat u vverifikat; tali spejjeż jistgħu jinkludu l-ispejjeż tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa oħra u spejjeż oħrajn tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.
(2) Meta entitajiet kontraenti jivvalutaw l-ispejjeż permezz ta’ approċċ tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja, huma għandhom jindikaw fid-dokumenti tal-akkwist id-data li għandha tingħata mill-offerenti u l-metodu l-entità kontraenti li ser tuża biex tiddetermina l-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja abbażi ta’ dik id-dejta.
(3) Il-metodu użat għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż attribwiti lil esternalitajiet ambjentali għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
   (a) ikun ibbażat fuq kriteriji li jistgħu jiġu vverifikati oġġettivament u mingħajr diskriminazzjoni. B’mod partikolari, fejn ma ġiex stabbilit għal applikazzjoni ripetuta jew kontinwa, ma għandux jiffavorixxi jew jiżvantaġġa mingħajr ġustifikazzjoni lil ċerti operaturi ekonomiċi;
   (b) ikun aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha;
   (ċ) id-dejta mitluba tista’ tingħata bi sforz raġonevoli minn operaturi ekonomiċi normalment diliġenti, inklużi operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi parti għall-FAP jew għal ftehimiet internazzjonali oħra li l-Unjoni hija marbuta bihom.
(4) Kull meta metodu komuni għall-kalkolu tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja jkun sar obbligatorju minn att leġislattiv tal-Unjoni, dak il-metodu komuni għandu jiġi applikat għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja.
(5) Lista ta’ metodi komuni għall-kalkolu imsemmija fis-fis-subregolament (4) hija stabbilita fl-Anness XV tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali.
