# L.S. 601.05, regolament 170. Kriterji tal-għoti ta’ kuntratt

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/170 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/170
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Mingħajr peġudizzju għad-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi nazzjonali dwar il-prezz ta’ ċerti provvisti jew ir-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti fuq l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża.
(2) Mill-perspettiva tal-entità kontraenti, l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża għandha tiġi identifikata abbażi tal-prezz jew l-ispiża, bl-użu ta’ approċċ kosteffettiv, bħall-kalkolu tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja skont ir-regolament 171, u tista’ tinkludi l-aħjar relazzjoni bejn il-prezz u l-kwalità, li għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji, li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali u, jew soċjali marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Dawn il-kriterji jistgħu jinkludu, pereżempju:
   (a) il-kwalità, inklużi l-mertu tekniku, il-karatteristiċi estetiċi u funzjonali, l-aċċessibbiltà, id-disinjar għall-utenti kollha, il-karatteristiċi soċjali, ambjentali u dawk innovattivi u l-kummerċ u l-kundizzjonijiet tiegħu;
   (b) l-organizzazzjoni, il-kwalifiki u l-esperjenza tal-persunal assenjat għat-twettiq tal-kuntratt, fejn il-kwalità tal-persunal assenjat jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq il-livell tal-prestazzjoni tal-kuntratt; jew
   (ċ) is-servizz ta’ wara l-bejgħ u assistenza teknika, kundizzjonijiet tal-konsenja bħad-data ta’ konsenja, il-proċess ta’ konsenja u l-perjodu ta’ konsenja jew il-perjodu ta’ twettiq.
(3) L-element ta’ spiża jista’ jieħu l-forma ta’ prezz jew spiża fissa li abbażi tagħha l-operaturi ekonomiċi jikkompetu fuq il-kriterji tal-kwalità biss.
(4) Il-kriterji tal-għoti għandhom jitqiesu li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku fejn huma relatati max-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li għandhom jingħataw taħt dak il-kuntratt fi kwalunkwe aspett u fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inklużi l-fatturi involuti fi:
   (a) il-proċessi speċifiċi tal-produzzjoni, il-provvista jew il-kummerċ ta’ dawk ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi; jew
   (b) proċess speċifiku għal stadju ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.
(5) Il-kriterji tal-għoti għandhom jitqiesu li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku ukoll fejn il-fatturi stabbiliti fis-subregolament (4) ma jiffurmawx parti mis-sustanza materjal tagħhom.
(6) Il-kriterji tal-għoti ma għandux ikollhom l-effett li jagħtu lill-entità kontraenti libertà mingħajr restrizzjonijiet għall-għażla. Huma għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u għandhom jiġu akkumpanjati mill-ispeċifikazzjonijiet li jippermettu li l-informazzjoni mogħtija mill-offerenti tiġi vverifikata b’mod effettiv sabiex jiġi vvalutat li l-offerti jissodisfaw il-kriterji tal-għoti. F’każ ta’ dubju, l-entitajiet kontraenti għandhom jivverifikaw b’mod effettiv il-preċiżjoni tal-informazzjoni u l-evidenza mogħtija mill-offerenti.
(7) L-entità kontraenti għandha tispeċifika fid-dokumenti tal-akkwist, il-piż relattiv li hi tagħti lil kull wieħed mill-kriterji magħżula sabiex tiddetermina l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża; għajr meta din tkun identifikata abbażi tal-prezz biss.
(8) Dak l-ippeżar jista’ jingħata billi tiġi pprovduta medda b’firxa massima adatta.
(9) Fejn għal raġunijiet oġġettivi l-ippeżar mhuwiex possibbli, l-entità kontraenti għandha tindika l-kriterji f’ordni dixxendentali ta’ importanza.
(10) L-ippeżar relattiv jew l-ordni ta’ importanza għandhom jiġi speċifikati, fejn xieraq, fl-avviż użat bħala mezz ta’ sejħa għal kompetizzjoni, fl-istedina biex jiġi kkonfermat l-interess, fl-istedina għal offerta jew ta’ negozjar, jew fl-ispeċifikazzjonijiet.
