# L.S. 601.05, regolament 169. Sistema ta’ kwalifika tal-operaturi ekonomiċi

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/169 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/169
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt
- Amended by: A.L. 26 tal-2018; A.L. 46 tal-2019

(1) L-entitajiet kontraenti li hekk jixtiequ, wara li jiksbu l-approvazzjoni bil-miktub tad-Direttur minn qabel, jistgħu jistabbilixxu u jħaddmu sistema ta’ kwalifika tal-operaturi ekonomiċi.
(2) L-entitajiet kontraenti li, wara li jkunu kisbu l-approvazzjoni bil-miktub tad-Direttur minn qabel, jistabbilixxu jew iħaddmu sistema ta’ kwalifika għandhom jiżguraw li fil-ħin kollu l-operaturi ekonomiċi jistgħu jitolbu kwalifika.
(3) Is-sistema ta’ kwalifika tista’ tinvolvi stadji ta’ kwalifika differenti.
(4) L-entitajiet kontraenti għandhom jistabbilixxu regoli u kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u l-għażla ta’ operaturi ekonomiċi li jitolbu kwalifika u kriterji u regoli oġġettivi għat-tħaddim tas-sistema ta’ kwalifika, li jkopru suġġetti bħal l-iskrizzjoni fis-sistema, l-aġġornar perjodiku tal-kwalifiki, f’każ li jkun hemm, u t-tul ta’ żmien tas-sistema.
(5) Fejn dawk il-kriterji u r-regoli jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti 76 sa 78. Il-kriterji u r-regoli jistgħu jiġu aġġornati kif meħtieġ.
(6) Il-kriterji u r-regoli msemmija fis-subregolamenti (3) sa (5) għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operaturi ekonomiċi fuq talba tagħhom. Dawk il-kriterji u r-regoli aġġornati għandhom jiġu kkomunikati lill-operaturi ekonomiċi interessati.
(7) Fejn entità kontraenti tqis li s-sistema ta’ kwalifika ta’ ċerti entitajiet jew korpi oħra tissodisfa r-rekwiżiti tagħha, hi għandha tikkomunika lill-operaturi ekonomiċi interessati l-ismijiet ta’ dawk l-entitajiet jew korpi oħra.
(8) Meta sejħa għal kompetizzjoni ssir permezz ta’ avviż tal-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifika, għandhom jingħataw kuntratti speċifiċi għax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi koperti mis-sistema ta’ kwalifika permezz ta’ proċeduri ristretti jew proċeduri nnegozjati, li fihom l-offerenti u l-parteċipanti kollha jintgħażlu minn fost il-kandidati diġà kkwalifikati skont din is-sistema.
(9) Kwalunkwe spiża li tiġi addebitata b’rabta mat-talbiet għall-kwalfika jew mal-aġġornar jew il-konservazzjoni ta’ kwalifika diġà miksuba skont is-sistema għandha tkun proporzjonata għall- ispejjeż iġġenerati.
(10) Fejn l-entitajiet kontraenti jagħżlu li jistabbilixxu sistema ta’ kwalifiki skont dan ir-regolament, is-sistema għandha tkun is-suġġett ta’ avviż kif imsemmi fl-Iskeda 20, li jindika l-għan tas-sistema ta’ kwalifiki u kif għandu jsir aċċess għar-regoli rigward it-tħaddim tagħha.
(11) Entitajiet kontraenti għandhom jindikaw il-perjodu ta’ validità tas-sistema ta’ kwalifiki fl-avviż dwar l-eżistenza tas-sistema. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar kwalunkwe bidla fil-perjodu ta’ validità, billi jużaw il-formoli standard li ġejjin:
   (a) fejn il-perjodu ta’ validità jinbidel mingħajr ma tiġi tterminata s-sistema, il-formola għall-avviżi dwar l-eżistenza ta’ sistemi ta’ kwalifiki;
   (b) fejn is-sistema tiġi tterminata, avviż dwar għoti ta’ kuntratt imsemmi fir-regolament 65.
(12) Għandu jinżamm rekord bil-miktub ta’ operaturi ekonomiċi kkwalifikati; dan jista’ jinqasam f’kategoriji skont it-tip ta’ kuntratt li għalih tkun valida l-kwalifika.
