# L.S. 601.05, regolament 168. Dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/168 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/168
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt
- Amended by: A.L. 26 tal-2018

(1) Fejn ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u l-għażla ta’ operaturi ekonomici li jitolbu l-kwalifika f’sistema ta’ kwalifika jinkludu rekwiżiti relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-operatur ekonomiku, jew għall-abbiltajiet tekniċi u professjonali tiegħu, l-operatur ekonomiku jista’ fejn ikun meħtieġ joqgħod fuq il-kapaċità ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura legali tar-rabta bejnu u dawk l-entitajiet. Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kwalifiki edukattivi u professjonali tal-fornitur ta’ servizz jew tal-kuntrattur jew dawk tal-persunal maniġerjali tal-impriża jew mal-esperjenza professjonali rilevanti, madankollu, l-operaturi ekonomiċi jistgħu joqogħdu fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra meta l-entitajiet l-oħra jkunu ser iwettqu x-xogħlijiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet. Fejn operatur ekonomiku jrid joqgħod fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, huwa għandu jagħti prova lill-entità kontraenti li dawk ir-riżorsi ser ikunu disponibbli lilu matul il-perjodu tal-validità tas-sistema ta’ kwalifika, pereżempju billi jipproduċi impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.
(2) L-entitajiet kontraenti għandhom jivverifikaw jekk l-entitajiet l-oħra li l-operatur ekonomiku jkun ser joqgħod fuq il-kapaċitajiet tagħhom jissodisfawx il-kriterji tal-għażla rilevanti jew jekk ikunx hemm raġunijiet għal esklużjoni jew black listing, li jkunu rreferew għaliha l-entitajiet kontraenti. L-entità kontraenti tista’ tesiġi li titlob li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li fir-rigward tagħha ma jissodisfax kriterju rilevanti ta' għażla jew li hu eskluż jew black-listed skont it-Taqsima VI tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
(3) Fejn operatur ekonomiku joqgħod fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra fir-rigward ta’ kriterji relatati mal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-entità kontraenti tista’ tesiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
(4) Bl-istess kundizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fir-regolamenti 81 jista’ joqgħod fuq il-kapaċitjiet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.
(5) Fejn ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ kandidati u offerenti fi proċeduri miftuħa, ristretti jew innegozjati, fi djalogi kompetittivi jew fi sħubijiet għall-innovazzjoni jinkludu rekwiżiti relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-operatur ekonomiku, jew l-abbiltajiet tekniċi u professjonali tiegħu, l-operatur ekonomiku jista’, fejn meħtieġ u għal kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-kapaċità ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura legali tar-rabta bejnu u dawk l-entitajiet. Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kwalifiki edukattivi u professjonali tal-fornitur ta’ servizz jew tal-kuntrattur jew dawk tal-persunal maniġerjali tal-impriża jew mal-esperjenza professjonali rilevanti, madankollu, l-operaturi ekonomiċi jistgħu joqogħdu fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra fil-każ biss meta l-entitajiet l-oħra jkunu ser iwettqu x-xogħlijiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtiega dawn il-kapaċitajiet. Fejn operatur ekonomiku jrid joqgħod fuq il-kapaċitajiet tal-entitajiet l-oħra, huwa għandu jagħti prova lill-entità kontraenti li r-riżorsi meħtieġa ser ikunu disponibbli lilha, pereżempju billi jipproduċi impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.
(6) L-entitajiet kontraenti għandhom jivverifikaw, f’konformità mar-regolament 166, jekk l-entitajiet l-oħra li l-operatur ekonomiku jkun ser joqgħod fuq il-kapaċitajiet tagħhom jissodisfawx il-kriterji tal-għażla rilevanti jew jekk ikunx hemm raġunijiet għal esklużjoni jew black-listing. L-entità kontraenti għandha tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li ma tosservax kriterju tal-għażla rilevanti, jew li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni li tkun irreferiet għalihom l-entità kontraenti: Iżda fejn operatur ekonomiku joqgħod fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra fir-rigward ta’ kriterji relatati mal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-entità kontraenti tista’ tesiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt: Iżda wkoll bl-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fir-regolamenti 80 u 81 jista’ joqgħod fuq il-kapaċità ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.
(7) Fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet, kuntratti ta’ servizzi u operazzjonijiet ta’ tqegħid fil-post jew ta’ installazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista, l-entitajiet kontraenti jistgħu jesiġu li ċerti kompiti importanti jitwettqu direttament mill-offerent stess jew, fejn l-offerta ppreżentata minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fir-regolament 30(2), minn parteċipant f’dak il-grupp.
