# L.S. 601.05, regolament 147. Sistemi dinamiċi ta’ xiri

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/147 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/147
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Għal xiri użat b’mod komuni, li l-karatteristiċi tiegħu, kif ġeneralment ikunu disponibbli fis-suq, jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-entitajiet kontraenti, huma jistgħu jużaw sistema dinamika ta’ xiri.
(2) Is-sistema dinamika ta’ xiri għandha tiġi operata bħala proċess kompletament elettroniku u għandha tkun miftuħa matul il-perjodu ta’ validità tas-sistema tax-xiri għal kull operatur ekonomiku li jissodisfa l-kriterji tal-għażla.
(3) Hija tista’ tiġi diviża f’kategoriji ta’ prodotti, xogħlijiet jew servizzi li huma definiti oġġettivament fuq il-bażi ta’ karatteristiċi tal-akkwist li għandhom jitwettqu taħt il-kategorija kkonċernata. Dawn il-karatteristiċi jistgħu jinkludu referenza għad-daqs massimu permissibbli tal-kuntratti speċifiċi sussegwenti jew għal żona ġeografika speċifika li fiha ser jitwettqu kuntratti speċifiċi sussegwenti.
