# L.S. 601.05, regolament 127. Kuntratti għal provvisti pubbliċi

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/127 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/127
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

Il-proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel tista’ tintuża għal kuntratti għal provvisti pubbliċi fil-każijiet li ġejjin:
   (a) fejn l-ebda offerta jew l-ebda offerta xierqa jew l-ebda talba għal parteċipazzjoni jew l-ebda talba adatta għall-parteċipazzjoni ma ġiet sottomessa bi tweġiba għal proċedura b’sejħa għal kompetizzjoni minn qabel, dejjem jekk il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt mhumiex sostanzjalment modifikati;
   (b) meta kuntratt ikun purament għall-fini ta’ riċerka, esperiment, studju jew żvilupp, u mhux għall-fini li jiġi assigurat profitt jew bl-iskop ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp, u sa fejn l-għoti ta’ tali kuntratt ma jippreġudikax l-għoti b’mod kompetittiv ta’ kuntratti sussegwenti li, b’mod partikolari, ikollhom dawk l-iskopijiet;
   (ċ) fejn il-provvisti jistgħu jiġu forniti biss minn operatur ekonomiku partikolari minħabba waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
      (i) l-għan tal-akkwist huwa l-ħolqien jew l-akkwist ta’ xogħol artistiku uniku jew ta’ rappreżentazzjoni artistika unika;
      (ii) hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni minħabba raġunijiet tekniċi;
      (iii) il-protezzjoni ta’ drittijiet esklużivi, inkluż drittijiet ta’ proprjetà intellettwali: Iżda l-eċċezzjonijiet stipulati fis-subparagrafi (ii) u (iii) għandhom japplikaw biss meta ma teżistix alternattiva jew sostitut raġonevoli u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni mhijiex ir-riżultat ta’ limitazzjonijiet artifiċjali fil-parametri tal-akkwist;
   (d) sa fejn huwa strettament neċessarju fejn, għal raġunijiet ta’ urġenza estrema kkawżata minn avvenimenti mhux prevedibbli mill-entità kontraenti, ma jistax ikun hemm konformità mal-limiti ta’ żmien stabbiliti għal proċeduri miftuħa, proċeduri ristretti u proċeduri negozjati b’sejħa għal kompetizzjoni minn qabel. Iċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikaw l-urġenza kbira qatt ma għandhom ikunu attribwibbli lill-entità kontraenti;
   (e) fil-każ ta’ kuntratti ta’ provvista għal konsenji addizzjonali mill-fornitur oriġinali li huma maħsuba jew bħala sostituzzjoni parzjali tal-provvisti jew installazzjonijiet jew inkella bħala l-estensjoni ta’ provvisti jew installazzjonijiet eżistenti, fejn bidla fil-fornitur tkun tobbliga lill-entità kontraenti sabiex tikseb provvisti li għandhom karatteristiċi tekniċi differenti li jirriżultaw f’inkompatibbiltà jew diffikultajiet tekniċi sproporzjonati fit-tħaddim u l-manutenzjoni;
   (f) għal provvisti kkwotati u mixtrija f’suq tal-prodotti bażiċi;
   (g) għal xiri bl-irħis, fejn ikun possibbli li jiġu akkwistati provvisti billi jittieħed vantaġġ minn opportunità partikolarment vantaġġuża disponibbli għal żmien qasir ħafna bi prezz konsiderevolment aktar baxx mill-prezzijiet normali tas-suq;
   (h) għal xiri ta’ provvisti b’kundizzjonijiet partikolarment vantaġġużi, jew mingħand fornitur li qed jagħmel stralċ definittiv tal-attivitajiet ta’ negozju tiegħu jew mil-likwidatur fi proċedura ta’ insolvenza, arranġament mal-kredituri jew proċedura simili taħt il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali.
