# L.S. 601.05, regolament 126. Kuntratti ta’ servizz pubbliku

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/126 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/126
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

Il-proċedura negozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel tista’ tintuża għal kuntratti ta’ servizz pubbliku fil-każijiet li ġejjin:
   (a) fejn l-ebda offerta jew l-ebda offerta xierqa jew l-ebda talba għal parteċipazzjoni jew l-ebda talba adatta għall-parteċipazzjoni ma ġiet sottomessa bi tweġiba għal proċedura b’sejħa għal kompetizzjoni minn qabel, dejjem jekk il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt mhumiex sostanzjalment modifikati;
   (b) meta kuntratt ikun purament għall-fini ta’ riċerka, esperiment, studju jew żvilupp, u mhux għall-fini li jiġi assigurat profitt jew bl-iskop ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp, u sa fejn l-għoti ta’ dak il-kuntratt ma jippreġudikax l-għoti b’mod kompetittiv ta’ kuntratti sussegwenti li, b’mod partikolari, ikollhom dawk l-iskopijiet;
   (ċ) fejn is-servizzi jistgħu jiġu forniti biss minn operatur ekonomiku partikolari minħabba waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
      (i) l-għan tal-akkwist huwa l-ħolqien jew l-akkwist ta’ xogħol artistiku uniku jew ta’ rappreżentazzjoni artistika unika;
      (ii) hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni minħabba raġunijiet tekniċi;
      (iii) il-protezzjoni ta’ drittijiet esklużivi, inkluż drittijiet ta’ proprjetà intellettwali: Iżda l-eċċezzjonijiet stipulati fis-subparagrafi (ii) u (iii) għandhom japplikaw biss meta ma teżistix alternattiva jew sostitut raġonevoli u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni mhijiex ir-riżultat ta’ limitazzjonijiet artifiċjali fil-parametri tal-akkwist;
   (d) sa fejn huwa strettament neċessarju fejn, għal raġunijiet ta’ urġenza estrema kkawżata minn avvenimenti mhux prevedibbli mill-entità kontraenti, ma jistax ikun hemm konformità mal-limiti ta’ żmien stabbiliti għal proċeduri miftuħa, proċeduri ristretti u proċeduri negozjati b’sejħa għal kompetizzjoni minn qabel. Iċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikaw l-urġenza kbira qatt ma għandhom ikunu attribwibbli lill-entità kontraenti;
   (e) għal servizzi ġodda li jikkonsistu mir-repetizzjoni ta’ servizzi assenjati lill-kuntrattur li l-istess entitajiet kontraenti tawh kuntratt preċedenti, dejjem jekk dawn ix-xogħlijiet jew is-servizzi jikkonformaw ma’ proġett bażiku li għalih ingħata l-ewwel kuntratt skont proċedura b’mod provdut taħt dawn ir-regolamenti: Iżda l-proġett bażiku għandu jindika sa liema punt jistgħu jaslu x-xogħlijiet jew is-servizzi addizzjonali possibbli u l-kundizzjonijiet li fihom ser jingħataw. Hekk kif l-ewwel proġett jinħareġ għall-offerti, l-użu possibbli ta’ din il-proċedura għandu jiġi divulgat u l-entitajiet kontraenti għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni l-istima tal-ispiża totali tax-xogħlijiet jew is-servizzi sussegwenti meta japplikaw r-regolamenti 30, 42 u l-Iskeda 5;
   (f) għal xiri ta’ servizzi b’kundizzjonijiet partikolarment vantaġġużi, jew mingħand fornitur li qed jagħmel stralċ definittiv tal-attivitajiet ta’ negozju tiegħu jew mil-likwidatur fi proċedura ta’ insolvenza, arranġament mal-kredituri jew proċedura simili taħt il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali;
   (g) fejn il-kuntratt ta’ servizz ikkonċernat jiġi wara kompetizzjoni ta’ disinn organizzata skont dawn ir-regolamenti u ser tingħata, skont ir-regoli provduti fil-kompetizzjoni ta’ disinn, lir-rebbieħ jew lil wieħed mir-rebbieħa ta’ dik il-kompetizzjoni; fil-każ imsemmi l-aħħar, ir-rebbieħa kollha għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw fin-negozjati.
