# L.S. 601.05, regolament 12. Servizzi postali

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/12 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/12
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Dawn ir-regolamenti għandhom japplikaw għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment ta’:
   (a) servizzi postali;
   (b) servizzi oħra minbarra servizzi postali, bil-kundizzjoni li servizzi bħal dawn ikunu pprovduti minn entità li tipprovdi wkoll servizzi postali fit-tifsira tas-subregolament (2)(b) u dment li l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament 24(1) u (2) mhumiex sodisfatti fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fi ħdan is-subregolament (2)(b).
(2) Għall-finjijiet ta’ dan ir-regolament u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 97/67/UE:
   (a) "oġġett postali" tfisser oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha għandu jinġarr, irrispettivament mit-toqol. Minbarra l-oġġetti ta’ korrispondenza, dawn l-oġġetti jinkludu wkoll pereżempju kotba, katalgi, gazzetti, perjodiċi u pakketti postali li jkun fihom merkanzija b’valur kummerċjali jew mingħajru, irrispettivament mit-toqol tagħhom;
   (b) "servizzi postali" tfisser servizzi li jikkonsistu fil-ġbir, l-issortjar, il-ħruġ u t-tqassim ta’ oġġetti postali. Dan għandu jinkludi kemm is-servizzi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll dawk li jaqgħu barra minnu tas-servizz universali stabbiliti f’konformità mad-Direttiva 97/67/KE;
   (ċ) "servizzi oħra, għajr servizzi postali" tfisser servizzi pprovduti fl-oqsma li ġejjin
      (i) servizzi ta’ ġestjoni tas-servizz tal-posta (servizzi li jseħħu qabel u wara d-dispaċċ, bħal servizzi ta’ ġestjoni tal-kamra tal-ittri);
      (ii) servizzi li jikkonċernaw oġġetti postali li mhumiex inklużi fis-subregolament (2)(a), bħall-posta diretta mingħajr l-ebda indirizz.
