# L.S. 601.05, regolament 110. Negozjar

- URL: https://procurelex.mt/mt/utilitajiet/110 · English: https://procurelex.mt/en/utilities/110
- Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali (L.S. 601.05), consolidated version in force from 2024-01-01; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.5/mlt

(1) Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-regolament, l-entitajiet kontraenti għandhom jinnegozjaw mal-offerenti dawk l-offerti inizjali u dawk kollha sussegwenti sottomessi minnhom, għajr l-offerta finali, sabiex jittejjeb il-kontenut tagħhom.
(2) Ir-rekwiżiti minimi u l-kriterji tal-għoti ma għandhomx ikunu soġġetti għal negozjati.
(3) Matul in-negozjati, l-entitajiet kontraenti għandhom jiżguraw it-trattament ugwali tal-offerenti kollha. Għal dak il-għan, ma għandhomx jipprovdu informazzjoni b’mod diskriminatorju li jista’ jagħti vantaġġ lil xi offerenti fuq oħrajn. Huma għandhom jinfurmaw lill-offerenti kollha, li l-offerti tagħhom ma jkunux ġew eliminati skont is-subregolament (5), bil-miktub dwar kwalunkwe bidla fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew dokumenti oħra tal-akkwist minbarra dawk li jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi. Wara dawk il-bidliet, l-entitajiet kontraenti għandhom jagħtu biżżejjed ħin lill-offerenti biex jimmodifikaw u jerġgħu jippreżentaw l-offerti emendati, kif adatt.
(4) F’konformità mar-regolament 62, l-entitajiet kontraenti ma għandhomx jiżvelaw lill-parteċipanti l-oħra informazzjoni kunfidenzjali kkomunikata minn kandidat jew offerent li jkun qed jieħu sehem fin-negozjati mingħajr il-qbil tiegħu. Qbil bħal dan ma għandux jieħu l-forma ta’ eżenzjoni ġenerali iżda għandu jsir b’referenza għall-komunikazzjoni intenzjonata ta’ informazzjoni speċifika.
(5) In-negozjati matul il-proċeduri tas-sħubija għall-innovazzjoni jistgħu jsiru fi stadji suċċessivi sabiex jonqos in-numru ta’ offerti li għandhom jiġu negozjati billi jiġu applikati l-kriterji tal-għoti speċifikati fl-avviż dwar kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew fid-dokumenti tal-akkwist. Fl-avviż dwar il-kuntratt, fl-istedina għall-konferma tal-interess jew fid-dokumenti tal-akkwist, l-entità kontraenti għandha tindika jekk hix ser tuża dik l-alternattiva.
