# PPR, regolament 93. Deċiżjonijiet

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/93 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/93
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Wara li jappunta r-rikors għas-smigħ, u wara li jisma’ s-sottomissjonijiet verbali magħmula mill-partijiet kollha, il-Bord ta’ Reviżjoni għandu jistabbilixxi data li fiha jagħti d-deċiżjoni tiegħu f’sessjoni pubblika.
(2) Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Reviżjoni jittieħdu preferibbilment fuq bażi ta’ unanimità. Iżda deċiżjonijiet b’maġġoranza jitqiesu bħala d-deċiżjoni finali tal-Bord ta’ Reviżjoni. Iċ-chairman u ż-żewġ membri l-oħra jkollhom vot kull wieħed.
(3) Id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Reviżjoni għandha tiġi miktuba, tiġi ffirmata mill-membri kollha u tkun datata. Fid-deċiżjoni tiegħu l-Bord ta’ Reviżjoni għandu jindika r-raġunijiet li għalihom ittieħdet id-deċiżjoni.
(4) Fid-deċiżjoni tiegħu l-Bord ta’ Reviżjoni għandu jirrakkomanda jekk depożitu magħmul minn xi parti għandux jiġi mrodd lura, kollu jew parzjalment, jew le.
(5) Sakemm ma jsirx appell, id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Reviżjoni tkun finali u tikkostitwixxi titolu eżekuttiv u tista’ tiġi infurzata skont l-artikolu 273 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.
