# PPR, regolament 72. Funzjonijiet

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/72 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/72
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

Il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti għandu:
   (a) jagħti pariri fuq kull kwistjoni li tirrigwarda kuntratti pubbliċi, kif ukoll fuq l-akkwist pubbliku ta’ materjali, xogħlijiet u servizzi jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq kwistjonijiet speċifiċi li jistgħu minn żmien għal żmien jintbagħtu lilu għal parir mingħandu;
   (b) jagħrbel rapporti u rakkomandazzjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kontraenti u jagħmel rakkomandazzjonijiet definittivi għall-għoti ta’ kuntratti waqt li jiżgura li jintlaħaq l-aħjar valur għall-flus li jitħallsu bl-anqas prezz possibbli. Għal dan il-għan għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil:
      (i) in-nefqa finali inklużi spejjeż finanzjarji għall-awtorità kontraenti; u
      (ii) l-impatt ta’ kull offerta fuq l-ispiża rikorrenti ta’ awtorità kontraenti;
   (ċ) jirrapporta kull irregolarità li tista’ tinġieb għall-għarfien tiegħu jew li tista’ tiġi osservata fil-proċess ta’ offerti u jagħmel rakkomandazzjonijiet fuqhom lill-Ministru li taħtu taqa’ r-responsabbiltà għall-awtorità kontraenti konċernata;
   (d) jittratta kwistjonijiet li, skont il-kuntratt, għandhom jiġu riferiti lilu, u jisma’ u jwettaq medjazzjoni fuq tilwim bejn awtoritajiet kontraenti, kif ikun il-każ, u kuntratturi, li jinqalgħu minn kuntratti pubbliċi;
   (e) formalment jinvestiga lmenti li jirrigwardaw kuntratti pubbliċi u akkwisti pubbliċi u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwarhom; u
   (f) jassisti lid-Direttur fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu skont dawn ir-regolamenti.
