# PPR, regolament 69. Deċiżjonijiet

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/69 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/69
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti jittieħdu preferibbilment fuq bażi ta’ unanimità. Iżda deċiżjonijiet b’maġġoranza jkunu finali u vinkolanti fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt. Iċ-chairman ikollu vot deċiżiv f’każ ta’ parità ta’ voti.
(2) Mingħajr preġudizzju għall-Att dwar l-Interpretazzjoni u għal kull ordni jew direzzjoni mogħtija mill-Ministru:
   (a) id-Direttur jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, jaċċetta jew jirrifjuta r-rakkomandazzjonijiet tal-maġġoranza tal-membri tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti għall-aċċettazzjoni jew ir-rifjut ta’ offerta;
   (b) meta:
      (i) id-Direttur ma jaqbilx ma’ xi rakkomandazzjoni tal-maġġoranza tal-membri tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti; jew
      (ii) xi rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti ma tkunx taqbel ma’ dik mogħtija mid-Dipartiment jew korp ieħor li minnu jsir l-akkwist pubbliku, id-Direttur jista’ jirreferi l-kwistjoni għal deċiżjoni mill-Ministru: Iżda d-Direttur għandu dejjem jirreferi kull kwistjoni li fiha ma jaqbilx mal-maġġoranza tal-membri ta’ Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti jew ta’ Kumitat tal-Kuntratti Speċjali, kif imfisser fir-regolament 78, għad-deċiżjoni tal-Ministru;
   (ċ) id-Direttur jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, jirreferi kull kwistjoni għad-deċiżjoni tal-Ministru sakemm kull kwistjoni meħuda mill-Ministru taħt l-Att dwar l-Interpretazzjoni jew wara li tkun saret referenza lilu mid-Direttur u u li jkollha influwenza diretta fuq l-għoti ta’ xi kuntratt mid-Direttur lil xi offerent partikolari ma tostakolax bl-ebda mod id-dritt ta’ xi kandidat jew offerent u ta’ xi persuna li jkollha jew li kellha interess li takkwista kuntratt pubbliku partikolari li tgħaddi għall-proċeduri ta’ appell previsti fir-regolamenti.
(3) Kull kwistjoni riferita għad-deċiżjoni tal-Ministru għandha tkun hekk riferita bil-miktub u d-deċiżjoni tal-Ministru tkun bl-istess mod komunikata bil-miktub.
