# PPR, regolament 67. Tneħħija jew temm tal-kariga

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/67 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/67
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Kull membru tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti jista’ waqt li jkun fil-kariga jitneħħa mill-Prim Ministru meta dan ikun sodisfatt li jkun hemm każ ċar ta’ mġiba ħażina tal-membru jew inabilità li l-membru jwettaq il-funzjonijiet tiegħu jew meta jkunu jeżistu ċirkustanzi li jiskwalifikaw dak il-membru milli jibqa’ bħala membru tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti.
(2) Persuna tkun skwalifikata milli tinħatar jew milli tibqa’ membru Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti jekk:
   (a) tkun membru tal-Kamra tad-Deputati, jew tal-Parlament Ewropew jew ta’ Kunsill Lokali;
   (b) jkollha tali interess finanzjarju jew interess ieħor li x’aktarx jippreġudika t-twettiq tal-funzjonijiet tagħha bħala membru tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti;
   (ċ) tkun legalment inkapaċitata jew interdetta;
   (d) tkun ġiet dikjarata falluta jew tkun għamlet komposizzjoni jew arranġament mal-kredituri tagħha; jew
   (e) tkun instabet ħatja ta’ xi reat kontra l-fiduċja pubblika jew ta’ serq jew frodi, jew tkun xjentement laqgħet għandha proprjetà li tkun ġejja minn serq jew frodi.
(3) Membru tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti jista’ jirriżenja mill-kariga b’ittra indirizzata lill-Prim Ministru.
