# PPR, regolament 62. Offerta valida

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/62 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/62
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima VI u għar-regolament 235(2), l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandha tiżgura li operatur ekonomiku jkun mill-bidunett eliġibbli li jikkwalifika għal offerta u għalhekk għandu jkun fil-pussess tal-ħtiġiet kollha stipulati fid-dokumenti tal-akkwist sad-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tagħhom.
(2) Fejn l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni li għandha tiġi sottomessa mill-operaturi ekonomiċi tkun jew tidher li tkun mhux kompleta jew żbaljata jew fejn dokumenti speċifiċi huma nieqsa, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, skont il-klawżoli tad-dokument tal-akkwist, jesiġu lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati li jissottomettu, jissupplementaw, jikkjarifikaw jew jimlew l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni rilevanti f’limitu ta’ żmien adatt: Iżda dawn l-esiġenzi għandhom isiru b’konformità sħiħa mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza.
(3) L-offerta finanzjarja ma tistax tinbidel ħlief għal korrezzjoni ta’ żbalji evidenti fl-aritmetika kif jista’ jkun permess fid-dokument tal-akkwist.
