# PPR, regolament 52. Determinazzjoni ta’ limiti ta’ żmien

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/52 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/52
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Meta jiffissaw il-limiti taż-żmien għar-riċevuta ta’ offerti u talbiet għal parteċipazzjoni, l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandhom jikkunsidraw il-kumplessità tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ għat-tfassil tal-offerti, mingħajr ħsara għal-limiti ta’ żmien minimi stabbiliti fir-regolamenti 116, 121, 122, 125, 142 u 132.
(2) Fejn l-offerti jistgħu jsiru biss wara żjara fuq il-post jew wara spezzjoni fuq il-post tad-dokumenti ta’ prova għad-dokumenti tal-akkwist, il-limiti ta’ żmien għar-riċevuta ta’ offerti, li għandhom ikunu itwal mil-limiti ta’ żmien minimi stabbiliti fir-regolamenti 116, 121, 122, 125, 142 u 132, għandhom jiġu stipulati sabiex l-operaturi ekonomiċi kollha kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu dwar l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jinħolqu l-offerti.
(3) L-awtoritajiet kontraenti għandhom jestendu l-limiti taż-żmien għar-riċevuta ta’ offerti sabiex l-operaturi ekonomiċi kollha kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu dwar l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jinħolqu l-offerti fil-każijiet li ġejjin:
   (a) fejn, għal kwalunkwe raġuni, l-informazzjoni addizzjonali, għalkemm mitluba mill-operatur ekonomiku fi żmien adegwat, ma tiġix ipprovduta sa mhux aktar tard minn sitt ijiem qabel l-iskadenza ffissata għar-riċevuta tal-offerti. Fil-każ ta’ proċedura aċċellerata kif imsemmija fir-regolamenti 116(3) u 122, dak il-perijodu għandu jkun ta’ erbat ijiem;
   (b) fejn isiru tibdiliet sinifikanti lid-dokumenti ta’ akkwist.
(4) It-tul tal-estensjoni għandu jkun proporzjonat għall-importanza tal-informazzjoni jew tal-bidla.
(5) Fejn l-informazzjoni addizzjonali ma ġietx mitluba fi żmien adegwat jew l-importanza tagħha mhix sinifikanti fid-dawl tat-tħejjija ta’ offerti reattivi, l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa m’għandhomx ikunu meħtieġa li jestendu l-limiti ta’ żmien.
(6) Sottomissjonijiet ta’ offerti li jaslu tardgħandhom jiġu skwalifikati mill-proċess.
