# PPR, regolament 51. Katalogi elettroniċi

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/51 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/51
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Fejn ikun rikjest l-użu ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa tista’ tesiġi li l-offerti jiġu ppreżentati fil-format ta’ katalogu elettroniku jew li jiġi inkluż katalogu elettroniku.
(2) L-offerti ppreżentati fil-forma ta’ katalogu elettroniku jistgħu jiġu ppreżentati flimkien ma’ dokumenti ohra, li jiffurmaw l-offerta sħiħa.
(3) Il-katalogi elettroniċi għandhom jiġu stabbiliti mill-kandidati jew mill-offerenti bil-għan li jipparteċipaw fi proċedura partikolari ta’ akkwist skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-format stabbiliti mill-awtorità kontraenti.
(4) Il-katalogi elettroniċi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-għodod ta’ komunikazzjoni elettronika kif ukoll ma’ kwalunkwe rekwiżiti addizzjonali stabbiliti mill-awtorità kontraenti b’konformità mar-regolament 48.
(5) Fejn il-preżentazzjoni ta’ offerti fil-forma ta’ katalogi elettroniċi hija aċċettata jew rikjesta, l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandha:
   (a) tiddikkjara dan fl-avviż dwar kuntratt;
   (b) tindika fid-dokumenti ta’ akkwist l-informazzjoni neċessarja kollha skont ir-regolament 48(2) rigward il-format, it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ konnessjonijiet tekniċi għall-katalogu.
(6) Fejn ġie konkluż ftehim qafas ma’ aktar minn operatur ekonomiku wieħed wara s-sottomissjoni ta’ offerti fil-forma ta’ katalogi elettroniċi, l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa jistgħu jistabbilixxu li l-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni għal kuntratti speċifiċi jseħħ fuq il-bażi tal-katalogi aġġornati. F’dan il-każ, l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandhom jużaw wieħed mill-metodi li ġejjin:
   (a) jistiednu lill-offerenti sabiex jissottomettu mill-ġdid il-katalogi elettroniċi tagħhom, adattati għar-rekwiżiti tal-kuntratt inkwistjoni; jew
   (b) jinnotifikaw lill-offerenti li għandhom il-ħsieb li jiġbru mill-katalogi elettroniċi li diġà ġew ppreżentati l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu kostitwiti offerti adattati għar-rekwiżiti tal-kuntratt inkwistjoni; dejjem jekk l-użu ta’ dak il-metodu jkun ġie mħabbar fid-dokumenti tal-akkwist tal-ftehim qafas.
(7) Fejn l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa jerġgħu jiftħu l-kompetizzjoni għal kuntratti speċifiċi b’konformità mas-subregolament (6)(b), dawn għandhom jinnotifikaw lill-offerenti bid-data u l-ħin li fihom għandhom il-ħsieb li jiġbru l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu kostitwiti offerti adattati għar-rekwiżiti tal-kuntratt speċifiku inkwistjoni u għandhom jagħtu lill-offerenti l-possibilità li jiċħdu dan il-ġbir tal-informazzjoni.
(8) L-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandhom jagħtu perijodu ta’ żmien adegwat bejn in-notifika u l-ġbir attwali tal-informazzjoni.
(9) Qabel ma jagħtu l-kuntratt, l-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandhom jippreżentaw l-informazzjoni miġbura lill-offerent ikkonċernat, sabiex b’hekk jagħtuh l-opportunità li jikkontesta jew jikkonferma li l-offerta hekk ikkostitwita ma fiha l-ebda żball materjali.
(10) L-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa jistgħu jagħtu kuntratti fuq il-bażi ta’ sistema dinamika tax-xiri billi jeżiġu li offerti għal kuntratt speċifiku jiġu ppreżentati fil-format ta’ katalogu elettroniku.
(11) L-awtoritajiet responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa jistgħu wkoll jagħtu kuntratti bbażati fuq sistema dinamika tax-xiri skont is-subregolament (6)(b) u s-subregolamenti (7), (8) u (9) dejjem jekk it-talba għal parteċipazzjoni fis-sistema dinamika ta’ xiri tkun akkumpanjata minn katalogu elettroniku skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-format stabbiliti mill-awtorità kontraenti.
(12) Għall-finijiet tas-subregolament (11), dak il-katalogu għandu jimtela’ mill-kandidati, meta dawn ikunu ġew mgħarrfa bl-intenzjoni tal-awtorità kontraenti li tikkostitwixxi l-offerti permezz tal-proċedura stipulata fis-subregolament (6)(b).
