# PPR, regolament 45. Pubblikazzjoni fuq livell nazzjonali

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/45 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/45
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Sakemm ma jkunx ġie awtorizzat mod ieħor mid-Direttur, offerti maħruġa b’valur stmat li jaqa’ taħt r-regolament 9(1)(b) għandhom jiġu ppubblikati fuq il-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-gvern: Iżda jekk l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa ma tagħmilx użu mill-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-gvern, hi għandha tirreklama l-offerta fuq il-Gazzetta.
(2) L-avviżi msemmija fir-regolamenti 41, 42 u 43 u l-informazzjoni li tinstab fihom ma għandhomx jiġu ppubblikati fil-livell nazzjonali qabel il-pubblikazzjoni skont ir-regolament 44: Iżda, fi kwalunkwe eventwalità l-pubblikazzjoni tista’ ssir fil-livell nazzjonali meta l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa ma tkunx ġiet notifikata bil-pubblikazzjoni fi żmien tmienja u erbgħin siegħa wara l-konferma tar-riċevuta tal-avviż skont ir-regolament 44.
(3) L-avviżi u reklami ppubblikati fil-livell nazzjonali ma għandux ikun fihom informazzjoni għajr dik li jkun hemm fl-avviżi mibgħuta lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew dik ippubblikata fuq profil ta’ xerrej, iżda għandhom jindikaw id-data li fiha ntbagħat l-avviż lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew id-data tal-pubblikazzjoni tagħhom fuq il-profil ta’ xerrej.
(4) L-avviżi informattivi minn qabel ma għandhomx jiġu ppubblikati fuq profil ta’ xerrej qabel ma jintbagħat lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea l-avviż tal-pubblikazzjoni tagħhom f’dik il-forma. Għandhom jindikaw dik id-data ta’ meta ntbagħtu.
