# PPR, regolament 40. Kunfidenzjalità

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/40 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/40
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt
- Amended by: A.L. 56 tal-2021

(1) Mingħajr ħsara għall-obbligi stabbiliti f’dawn ir-regolamenti u, jew xi liġi oħra li tobbliga lid-Direttur, lill-awtorità kontraenti u lid-Direttorat għall-Akkwist Settorjali biex jiżvelaw informazzjoni, awtorità kontraenti, id-Direttur jew id-Direttorat għall-Akkwist Settorjali ma għandhomx ixandru informazzjoni mgħoddija lilhom minn operaturi ekonomiċi li hija mniżżla bħala kunfidenzjali, inklużi, iżda mhux limitati għal, sigrieti tekniċi jew kummerċjali u l-aspetti kunfidenzjali tal-offerti.
(2) Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dawn ir-regolamenti, l-informazzjoni li ġejja ma għandhiex titqies bħala kunfidenzjali:
   (a) l-isem tal-offerent u l-ismijiet individwali ta’ grupp ta’ operaturi ekonomiċi li jissottomettu offerta partikolari;
   (b) l-isem tas-subkuntratturi;
   (ċ) dokumentazzjoni sottomessa minn operaturi ekonomiċi li tiċċertifika li osservaw il-kriterji tal-għażla; u
   (d) informazzjoni teknika li diġà tkun pubblika.
(3) L-awtoritajiet jistgħu jimponu, fuq l-operaturi ekonomiċi, ħtiġiet immirati biex tiġi protetta n-natura konfidenzjali ta’ informazzjoni li l-operaturi ekonomiċi jkunu għamlu disponibbli matul il-proċedura tal-akkwist.
