# PPR, regolament 31. Valur ta’ xogħlijiet pubbliċi

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/31 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/31
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Għall-kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet, il-kalkolu tal-valur stmat għandu jqis kemm l-ispiża tax-xogħlijiet kif ukoll il-valur totali stmat tal-provvisti u s-servizzi li huma disponibbli għall-kuntrattur mill-awtorità kontraenti, sakemm dawn ikunu meħtieġa għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet.
(2) Fejn xogħol propost jew il-forniment propost ta’ servizzi jista’ jirriżulta fl-għoti ta’ kuntratti fil-forma ta’ lottijiet separati, għandu jitqies il-valur totali stmat tat-totalità ta’ dawn il-lottijiet.
(3) Meta l-valur aggregat tal-lottijiet huwa daqs jew aktar mil-limitu stabbilit fis-subregolament (2), dawn ir-regolamenti għandhom japplikaw għall-għoti ta’ kull lott.
(4) Meta proposta għall-akkwist ta’ provvisti simili tista’ tirriżulta f’kuntratti mogħtija fil-forma ta’ lottijiet separati, għandu jiġi kkunsidrat il-valur totali stmat tal-lottijiet kollha bħal dawn meta jiġu applikati l-punti (b) u (ċ) tal-Iskeda 5.
(5) Meta l-valur aggregat tal-lottijiet fis-subregolament (4) huwa daqs jew aktar mil-limitu stabbilit fl-Iskeda 5, dawn ir-regolamenti għandhom japplikaw għall-għoti ta’ kull lott.
(6) Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subregolamenti (2), (3), (4) u (5), l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti ta’ lottijiet individwali mingħajr ma japplikaw il-proċeduri previsti skont dawn ir-regolamenti, sakemm il-valur stmat tal-lott ikkonċernat, mingħajr il-VAT, ikun inqas minn tmenin elf euro (€80,000) għal provvisti jew servizzi jew miljun euro (€1,000,000) għal xogħlijiet. Madankollu, il-valur aggregat tal-lottijiet, mogħtija b’dan il-mod, mingħajr ma jiġu applikati dawn ir-regolamenti, ma għandux ikun aktar minn 20% tal-valur aggregat tal-lottijiet kollha li fihom jinqasam ix-xogħol propost, l-akkwist propost ta’ provvisti simili jew il-forniment propost ta’ servizzi.
