# PPR, regolament 28. Regolament għall-kalkolu tal-valur stmat tal-akkwist

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/28 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/28
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Il-kalkolu tal-valur stmat ta’ akkwist għandu jkun ibbażat fuq l-ammont totali pagabbli, mingħajr il-VAT, kif stmat mill-awtorità kontraenti, inkluż kull forma ta’ għażla u kull tiġdid tal-kuntratti kif stipulat b’mod espliċitu fid-dokumenti ta’ akkwist.
(2) Awtorità kontraenti, meta tipprovdi għal għotjiet jew pagamenti lil kandidati jew offerenti, għandha tqis dan meta tikkalkula l-valur stmat tal-akkwist.
(3) Meta awtorità kontraenti tkun magħmula minn unitajiet operazzjonali separati, għandu jittieħed kont tal-valur totali stmat għal kull unità operazzjonali individwali.
(4) Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subregolamenti (1) u (2), fejn unità operazzjonali separata hija indipendentament responsabbli mill-akkwist tagħha jew ċerti kategoriji tagħha, il-valuri jistgħu jkunu stmati fil-livell tal-unità inkwistjoni.
(5) L-għażla tal-metodu għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ akkwist ma għandhiex issir bl-intenzjoni li tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. Akkwist ma għandux ikun suddiviż bl-effett li ma jitħalliex jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, sakemm dan ma jkunx ġustifikat b’raġunijiet oġġettivi.
(6) Il-valur stmat għandu jkun validu fil-mument li fih tintbagħat is-sejħa għall-kompetizzjoni, jew, fil-każijiet fejn mhijiex prevista sejħa għall-kompetizzjoni, fil-mument li fih l-awtorità kontraenti tibda l-proċedura ta’ akkwist, pereżempju, fejn adatt, billi tikkuntattja operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-akkwist.
