# PPR, regolament 277. Ineffettività ta’ kuntratt

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/277 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/277
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Parti interessata jew offerent jistgħu jippreżentaw rikors quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni biex jiġi dikjarat li kuntratt b’valur stmat li jilħaq jew jeċċedi l-limitu stabbilit taħt l-Iskeda 5 hu ineffettiv.
(2) Parti interessata tista’ titlob il-Bord ta’ Reviżjoni biex jiddikjara kuntratt iffirmat ineffettiv biss jekk l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa jew l-awtorità kontraenti tkun wettqet l-għoti tal-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bla ma dan kien konformi mad-Direttiva 2014/23/UE, id-Direttiva 2014/24/UE u d-Direttiva 2014/25/UE.
(3) Kull offerent jista’ ukoll jitlob lill-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi biex jiddikjara kuntratt ineffettiv fiż-żewġ każijiet li ġejjin:
   (a) meta, minkejja li jiġi ppreżentat appell quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi, l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa jew l-awtorità kontraenti jikkonkludu kuntratt qabel ma tingħata deċiżjoni finali mill-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi; jew
   (b) meta l-kuntratt jiġi konkluż mill-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa jew mill-awtorità kontraenti qabel ma jiskadi l-perjodu għall-preżentata ta’ appell kif previst fir-regolament 271.
(4) Id-dispożizzjonijiet tas-subregolament (2) mgħandhomx japplikaw fejn:
   (a) l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa jew l-awtorità kontraenti tikkunsidra li l-għoti ta’ kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jista’ jsir b’konformità mad-Direttiva 2014/24/UE u d-Direttiva 2014/25/UE;
   (b) l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa jew l-awtorità kontraenti tkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż kif imfisser fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/665 jew fl-Artikolu 3a tad-Direttiva 92/13 li fih tesprimi l-intenzjoni tagħha li tikkonkludi l-kuntratt, u;
   (ċ) il-kuntratt ma ġiex konkluż qabel ma skada l-perijodu ta’ mill-anqas għaxart ijiem korrenti b’effett mill-ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż.
(5) Parti interessata jew offerent ma jistgħux imorru quddiem qorti jew tribunal sabiex jattakkaw l-għoti jew nuqqas ta’ għoti ta’ sejħa ghall-offerti proċessata skont dawn ir-regolamenti u lanqas jitolbu li jitħallsu għad-danni, jekk huma ma jkunux l-ewwel inqdew bir-rimedji kollha mogħtija taħt dawn ir-regolamenti.
