# PPR, regolament 276. Proċedura tal-appell

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/276 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/276
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt
- Amended by: A.L. 56 tal-2021

Il-proċedura li għandha tiġi segwita fis-sottomissjoni u determinazzjoni ta’ appelli kif ukoll il-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu preżentati appelli jkunu dawn li ġejjin:
   (a) kull deċiżjoni tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti, id-Direttorat għall-Akkwist Settorjali jew il-Kumitat Speċjali tal-Kuntratti jew tal-awtorità kontraenti għandha tkun pubblika permezz tat-twaħħil tagħha fuq in-notice board tad-Dipartiment tal-Kuntratti, l-Unità Ministerjali għall-Akkwist jew tal-uffiċċju tal-awtorità kontraenti, kif ikun il-każ, jew billi tiġi pubblikata fuq il-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-gvern qabel l-għoti tal-kuntratt;
   (b) l-appell ta’ min jagħmel l-ilment jitwaħħal ukoll fuq in-notice board tal-Bord ta’ Reviżjoni u għandu jintbagħat permezz ta’ fax jew permezz ta’ mezzi elettroniċi oħra lill-offerenti parteċipanti kollha;
   (ċ) l-awtorità kontraenti u kull parti interessata tista’, fi żmien għaxart ijiem kurrenti mill-ġurnata li fiha l-appell jitwaħħal fuq in-notice board tal-Bord ta’ Reviżjoni u ppubblikata, meta jkun applikabbli, fuq il-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-gvern, jistgħu jippreżentaw risposta bil-miktub għall-appell. Dawn ir-risposti wkoll għandhom jitwaħħlu fuq in-notice board tal-Bord ta’ Reviżjoni u fejn ikun applikabbli għandhom ukoll jiġu ppubblikati fuq il-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-gvern;
   (d) l-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandha fi żmien għaxart ijiem tibgħat liċ-chairman tal-Bord ta’ Reviżjoni d-dokumentazzjoni kollha li għandha x’taqsam mas-sejħa għall-offerti inkwistjoni inklużi fajls u offerti sottomessi;
   (e) is-Segretarju tal-Bord ta’ Reviżjoni għandu jinforma lill-parteċipanti kollha tas-sejħa għall-offerti, lid-Dipartiment tal-Kuntratti jew id-Direttorat għall-Akkwist Settorjali u lill-awtorità kontraenti dwar id-data jew dati, kif ikun il-każ, meta l-appell ser jinstema’;
   (f) Meta jintemm is-smigħ verbali, il-Bord ta’ Reviżjoni, jekk ma jagħtix id-deċiżjoni fl-istess jum, għandu jħalli d-deċiżjoni għall-aktar data bikrija possibbli għal dak il-għan, iżda mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mid-data tas-smigħ verbali: Iżda għal raġunijiet serji u ġustifikati espressi bil-miktub permezz ta’ ordni notifikat lill-partijiet kollha, il-Bord ta’ Reviżjoni jista’ jmexxi s-sentenza għal perijodu aktar tard;
   (g) is-Segretarju tal-Bord ta’ Reviżjoni għandu jżomm verbal tar-raġunijiet ta’ kull aġġornament u ta’ kull ħaġa li ssir f’kull seduta;
   (h) wara li jagħrbel l-evidenza kollha u wara li jikkunsidra s-sottomissjonijiet kollha mressqa mill-partijiet, il-Bord ta’ Reviżjoni għandu jiddeċiedi dwar jekk għandux jilqa’ jew jiċħad l-appell jew anke li jħassar is-sejħa jekk hekk ikun jidhirlu li jkun l-aħjar fiċ-ċirkostanzi tal-każ.
