# PPR, regolament 26. Akkwist imħallat

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/26 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/26
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Kuntratti li jirrigwardaw żewġ tipi ta’ akkwisti jew iżjed, kemm jekk ikunu xogħlijiet, servizzi jew provvisti, li lkoll huma koperti b’dawn ir-regolamenti, għandhom jingħataw f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tip ta’ akkwist li jikkaratterizza s-suġġett ewlieni tal-kuntratt inkwistjoni.
(2) Fil-każ ta’ kuntratti mħallta li jirrigwardaw tipi differenti ta’ akkwisti, li lkoll huma koperti b’dawn ir-regolamenti, li jikkonsistu parzjalment f’servizzi fis-sens tar-regolament 162 u parzjalment f’servizzi oħra jew f’kuntratti mħallta li jikkonsistu parzjalment f’servizzi u parzjalment fi provvisti, is-suġġett prinċipali tal-akkwisti jiġi determinat skont liema mill-valuri stmati tas-servizzi jew provvisti rispettivi, hu l-ogħla.
(3) F’każijiet ta’ kuntratti mħallta li jirrigwardaw akkwisti koperti b’dawn ir-regolamenti u akkwisti koperti minn reġimi legali oħra u fejn il-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari jistgħu jiġu separati oġġettivament għandu japplika dan li ġej:
   (a) awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għall-partijiet separati jew jagħtu kuntratt uniku. Fejn l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratti separati għal partijiet separati, id-deċiżjoni dwar liema reġim legali japplika għal kwalunkwe wieħed minn tali kuntratti separati għandha tittieħed abbażi tal-karatteristiċi tal-parti separata kkonċernata;
   (b) fejn l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li jagħtu kuntratt uniku, dawn ir-regolamenti għandhom, dment li ma jkunx previst mod ieħor fir-regolament 27, japplikaw għall-kuntratt imħallat li jirriżulta, irrispettivament mill-valur tal-partijiet li kieku jaqgħu taħt reġim legali differenti u irrispettivament mil-liema reġim legali li dawk il-partijiet kienu jkunu soġġetti għalihom;
   (ċ) f’każ ta’ kuntratti mħallta li jkun fihom elementi ta’ kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizzi u ta’ konċessjonijiet, il-kuntratt imħallat għandu jingħata skont dawn ir-regolamenti, sakemm il-valur stmat tal-parti tal-kuntratt li tikkostitwixxi kuntratt kopert b’dawn ir-regolamenti, ikkalkulat skont ir-regolamenti 28, 29, 30, 31 u 32, hu ugwali jew akbar mil-limitu rilevanti stipulat fl-Iskeda 5.
(4) Fil-każ ta’ kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom kemm l-akkwist kopert b’dawn ir-regolamenti kif ukoll l-akkwist għall-eżerċitar ta’ attività li hija soġġetta għar-Regolamenti dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali, ir-regoli applikabbli għandhom, minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subregolament (3) ta’ dan ir-regolament, jiġu determinati skont ir-regolamenti 5 u 6 tar-Regolamenti tal-2016 dwar Akkwist Pubbliku ta’ Entitajiet li joperaw fis-Setturi tas-Servizzi tal-Ilma, l-Enerġija, it-Trasport u Postali.
(5) Meta l-partijiet differenti ta’ kuntratt partikolari huma oġġettivament mhux separabbli, ir-reġim legali applikabbli għandu jkun iddeterminat abbażi tas-suġġett ewlieni ta’ dak il-kuntratt.
