# PPR, regolament 247. Approvazzjoni tal-modifiki

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/247 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/247
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Meta tintalab modifika, ripetizzjoni ta’ xogħlijiet, servizzi jew konsenji addizzjonali ta’ offerti b’valur stmat li jaqa’ taħt ir-regolament 9(1)(b) li kumulattivament jkunu ser jeċċedu l-limiti stabbiliti fl-Iskeda 5 u jeċċedu l-10% tal-valur tal-kuntratt inizzjali għall-kuntratti ta’ servizz u ta’ provvista jew jeċċedu l-15% tal-valur tal-kuntratt inizzjali għall-kuntratti ta’ xogħlijiet, skont il-każ, l-awtorità kontraenti, għandha tikseb l-approvazzjoni tad-Direttur qabel il-bidu tal-modifika.
(2) F’każijiet eċċezzjonali fejn in-natura urġenti tal-modifika hi tali li l-awtorità kontraenti ma tistax titlob l-approvazzjoni tad-Direttur prevista taħt is-subregolment (1), l-awtorità kontraenti tista’ tipproċedi bil-modifika dment li tosserva l-kondizzjonijiet imsemmija f’dawn ir-regolamenti u tikseb mingħand id-Direttur għallinqas permess preliminari.
(3) L-awtorità kontraenti għandha, f’limitu ta’ żmien speċifikat mid-Direttur, tibgħat lil dan tal-aħħar l-informazzjoni kollha rilevanti kif indikat fir-regolament 248 u n-nuqqas li jsir dan iwassal għar-revoka awtomatika tal-approvazzjoni preliminari kif ukoll għall-konsegwenzi msemmija fir-regolament 251.
(4) Wara s-sottomissjoni tat-talba skont ir-regolament 248, id-Direttur għandu jirrevedi l-informazzjoni sottomessa u jagħti l-approvazzjoni tiegħu fil-każ biss li l-modifika li twettqet tosserva l-kondizzjonijiet f’dawn ir-regolamenti.
