# PPR, regolament 246. Modifika ta’ kuntratti matul it-terminu tagħhom

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/246 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/246
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Għal offerti b’valur stmat li jaqa fi ħdan ir-regolament 9(1)(b) u bl-approvazzjoni minn qabel tad-Direttur, awtorità kontraenti tista’ li l-kuntratt jew il-ftehim qafas jiġu mmodifikati mingħajr proċedura ġdida tal-akkwist fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet li ġejjin:
   (a) fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur monetarju tagħhom, ikunu ġew previsti fid-dokumenti inizjali tal-akkwist fi klawżoli ta’ reviżjoni ċari, preċiżi u inekwivokabbli, li jistgħu jinkludi klawżoli ta’ reviżjoni ta’ prezzijiet, jew għażliet. Dawn il-klawżoli għandhom jiddikjaraw il-kamp ta’ applikazzjoni u n-natura ta’ modifiki jew għażliet possibbli kif ukoll il-kondizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jintużaw. Ma għandhomx jipprovdu għal modifiki jew għażliet li jibdlu n-natura ġenerali tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas;
   (b) għal xogħlijiet, servizzi jew provvisti addizzjonali mill-kuntrattur oriġinali li saru meħtieġa u li ma kinux inklużi fl-akkwist inizjali fejn bidla fil-kuntrattur:
      (i) ma tistax issir għal raġunijiet ekonomiċi jew tekniċi bħalma huma r-rekwiżiti ta’ interkambjalità jew interoperabbiltà mat-tagħmir, is-servizzi jew l-installazzjonijiet eżistenti akkwistati taħt l-akkwist inizjali; u
      (ii) tikkawża inkonvenjenza sinifikanti jew duplikazzjoni sostanzjali tal-ispejjeż għall-awtorità kontraenti: Madankollu, kwalunkwe żieda fil-prezz ma tistax taqbeż 50% tal-valur tal-kuntratt oriġinali;
   (ċ) fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
      (i) il-ħtieġa ta’ modifika nġiebet minħabba ċirkustanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi;
      (ii) il-modifika ma tibdilx in-natura ġenerali tal-kuntratt;
      (iii) kwalunkwe żieda fil-prezz mhijiex ogħla minn 50% tal-valur tal-kuntratt oriġinali jew tal-ftehim qafas;
   (d) fejn kuntrattur ġdid jissostitwixxi dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-awtorità kontraenti bħala konsegwenza ta’ wieħed minn dawn:
      (i) klawżola ta’ reviżjoni mhix ekwivoka jew għażla f’konformità mal-paragrafu (a); jew
      (ii) suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-kuntrattur inizjali, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturar korporattiv, inkluż it-teħid ta’ pussess, amalgamazzjoni, akkwist jew insolvenza ta’ operatur ekonomiku ieħor li jissodisfa l-kriterji tal-għażla kwalitattiva inizjalment stabbiliti, dejjem jekk din ma twassalx għal modifiki sostanzjali oħrajn għall-kuntratt u ma għandhiex l-għan li tevita l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti; jew
      (iii) f’każ li l-awtorità kontraenti nnifisha tassumi l-obbligi tal-kuntrattur prinċipali lejn s-subkuntratturi tiegħu;
   (e) fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur tagħhom, mhumiex sostanzjali skont it-tifsira tas-subregolament (5).
(2) Id-Direttur jew l-awtoritajiet kontraenti li jkunu mmodifikaw kuntratt fil-każijiet stipulati taħt il-paragrafi (b) u (ċ) tas-subregolament (1) għandhom jippubblikaw avviż dwar dan fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan l-avviż għandu jkun fih l-informazzjoni stipulata fl-Iskeda 9 taqsima G u għandu jkun ppubblikat skont ir-regolament.
(3) Mingħajr l-ebda ħtieġa li jiġi vverifikat jekk il-kondizzjonijiet stipulati taħt il-paragrafi (a) sa (d) tas-subregolament (5) humiex sodisfatti jew tintalab l-approvazzjoni tad-Direttur, il-kuntratti jistgħu ugwalment jiġu mmodifikati mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura ġdida ta’ akkwist f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti fejn il-valur tal-modifika ikun anqas miż-żewġ valuri li ġejjin:
   (a) il-limiti stipulati fl-Iskeda 5; u
   (b) 10% tal-valur tal-kuntratt inizjali għall-kuntratti ta’ servizz u ta’ provvista u taħt il-15% tal-valur tal-kuntratt inizjali għall-kuntratti ta’ xogħlijiet: Iżda l-modifika ma tistax tibdel in-natura ġenerali tal-kuntratt jew ftehim qafas. Fejn isiru diversi modifiki suċċessivi, il-valur għandu jiġi valutat abbażi tal-valur kumulattiv nett tal-modifiki suċċessivi.
(4) Għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz imsemmi fis-subregolamenti (3) u (1)(b) u (ċ), il-prezz aġġornat għandu jkun il-valur ta’ referenza meta l-kuntratt ikun jinkludi klawżola ta’ indiċjar.
(5) Modifika ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas matul it-terminu tiegħu għandha titqies bħala sostanzjali skont it-tifsira tas-subregolament (1)(e), fejn din tirrendi l-kuntratt jew il-ftehim qafas materjalment differenti fin-natura minn dak inizjalment konkluż. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr ħsara għas-subregolamenti (1) u (3), modifika għandha titqies bħala sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
   (a) il-modifika tintroduċi kondizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura ta’ akkwist inizjali, kienu jippermettu d-dħul ta’ kandidati oħra minbarra dawk inizjalment magħżula jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta oħra minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura ta’ akkwist;
   (b) il-modifika tibdel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas favur il-kuntrattur b’tali mod li ma kienx previst fil-kuntratt inizjali jew il-ftehim qafas;
   (ċ) il-modifika testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas b’mod konsiderevoli;
   (d) fejn kuntrattur ġdid jissostitwixxi dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-awtorità kontraenti f’każijiet oħra minbarra dawk previsti taħt ils-subregolament (1)(d).
(6) Proċedura ġdida ta’ akkwist f’konformità ma’ dawn ir-regolamenti għandha tkun meħtieġa għal modifiki oħra tad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku jew ftehim qafas matul it-terminu tiegħu minbarra dawk previsti taħt is-subregolament (1) u (3).
