# PPR, regolament 244. Varjanti

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/244 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/244
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Għal offerti li jkollhom valur stmat li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tar-regolament 9(1)(b), l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jawtorizzaw jew jesiġu lill-offerenti sabiex jissottomettu varjanti. Fl-avviż dwar kuntratt għandhom jindikaw jekk jawtorizzawx jew jitolbux varjanti jew le. Il-varjanti ma għandhomx jiġu awtorizzati mingħajr indikazzjoni bħal din, u għandhom ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt.
(2) Fid-dokumenti tal-akkwist, l-awtoritajiet kontraenti li jawtorizzaw jew jesiġu varjanti għandhom jispeċifikaw ir-rekwiżiti minimi li għandhom jintlaħqu mill-varjanti u kwalunkwe rekwiżiti speċifiċi għall-preżentazzjoni tagħhom, b’mod partikolari, jekk il-varjanti jistgħux jiġu sottomessi biss fejn offerta, li ma tkunx varjant, tkun ukoll ġiet sottomessa. Dawn għandhom jiżguraw ukoll li l-kriterji tal-għoti magħżula jistgħu jiġu applikati għall-varjanti li jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti minimi kif ukoll għal offerti li jikkonformaw li mhumiex varjanti.
(3) Huma biss dawk il-varjanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-awtoritajiet kontraenti li għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni.
(4) Fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika jew kuntratti ta’ servizzi pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti li għandhom varjanti awtorizzati jew meħtieġa għandhom jiċħdu varjant fuq il-bażi unika li, jekk tintlaqa’, dan iwassal jew għal kuntratt ta’ servizz minflok kuntratt pubbliku ta’ provvista jew kuntratt ta’ provvista minflok kuntratt pubbliku ta’ servizz.
