# PPR, regolament 243. Offerti baxxi b’mod anormali;

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/243 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/243
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt
- Amended by: A.L. 196 tal-2020

(1) L-awtoritajiet kontraenti għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jispjegaw il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta meta l-offerti jkunu jidhru baxxi b’mod mhux normali fir-rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi.
(2) L-ispjegazzjonijiet jistgħu jkunu relatati b’mod partikolari ma’:
   (a) l-ekonomija tal-proċess ta’ manifattura jew tas-servizzi pprovduti jew tal-metodu tal-kostruzzjoni;
   (b) is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew kwalunkwe kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli disponibbli għall-offerent għall-forniment tal-prodotti jew servizzi jew għall-eżekuzzjoni tax-xogħol;
   (ċ) l-oriġinalità tax-xogħol, provvisti jew servizzi proposti mill-offerent;
   (d) konformità mal-obbligi msemmijin fir-regolamenti 13(m) u 16(k);
   (e) konformità mal-obbligi msemmijin fir-regolament 60;
   (f) il-possibbiltà li l-offerent jikseb għajnuna mill-Istat.
(3) Jekk l-operatur ekonomiku jonqos milli jibgħat l-ispegazzjonijiet tiegħu fi żmien il-limitu ta’ żmien miktub impost mill-awtorità kontraenti, dan għandu jiġi intrepretat bħala aċċettazzjoni min-naħa tal-operatur ekonomiku li l-offerta tiegħu hi baxxa b’mod anormali.
(4) L-awtorità kontraenti għandha tivvaluta l-informazzjoni pprovduta billi tikkonsulta lill-offerent. Din tista’ tiċħad l-offerta biss fejn il-provi pprovduti ma jispjegawx b’mod sodisfaċenti l-livell baxx tal-prezz jew tal-ispejjeż proposti, b’kont meħud tal-elementi msemmija fis-subregolament (2).
(5) L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiċħdu l-offerta, fejn ikunu stabbilixxew li l-offerta hija baxxa wisq għax ma tikkonformax mal-obbligi applikabbli msemmija fir-regolamenti 13(m) u 16(k).
(6) Fejn awtorità kontraenti tistabbilixxi li offerta hija baxxa wisq għax l-offerent kiseb għajnuna mill-Istat, l-offerta tista’ tiġi miċħuda għal dik ir-raġuni waħedha biss wara konsultazzjoni mal-offerent fejn, fi ħdan limitu ta’ żmien suffiċjenti stabbilit mill-awtorità kontraenti, dan tal-aħħar ma jistax juri li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE. Fejn l-awtorità kontraenti tiċħad offerta f’dawk iċ-ċirkustanzi, din għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar dan.
