# PPR, regolament 242. Informazzjoni lill-kandidati u offerenti

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/242 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/242
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) L-awtorità responsabbli ghat-tmexxija tas-sejha għandha tgħarraf lil kull kandidat u offerent bid-deċiżjonijiet li ħadet rigward il-konklużjoni ta’ ftehim qafas, l-għoti ta’ kuntratt jew ammissjoni għal sistema dinamika ta’ xiri, inklużi r-raġunijiet għal kull deċiżjoni li ma jiġix konkluż ftehim qafas, li ma jingħatax kuntratt li għalih saret sejħa għall-kompetizzjoni, li terġa’ tinfetaħ il-proċedura jew li ma tiġix implimentata sistema dinamika ta’ xiri.
(2) Fuq talba mill-kandidat jew offerent ikkonċernat, malajr kemm jista’ jkun, u f’kull eventwalità fi żmien ħmistax-il jum mir-riċevuta ta’ talba bil-miktub, l-awtorità responsabbli ghat-tmexxija tas-sejha għandha tinforma:
   (a) lil kull kandidat li ma ġiex aċċettat bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talba għall-parteċipazzjoni tiegħu;
   (b) lil kull offerent li ma ġiex aċċettat bir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, inklużi, għall-każijiet imsemmija fir-regolament 53(9) u (10), ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ ekwivalenza jew għad-deċiżjoni tagħha li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ twettiq jew funzjonali;
   (ċ) lil kull offerent li għamel offerta ammissibbli bil-karatteritsiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-istess tal-offerenti jew il-partijiet għall-ftehim qafas li ntagħżlu;
   (d) lil kull offerent li għamel offerta ammissibbli bit-twettiq u l-progress tan-negozjati u d-djalogu mal-offerenti;
   (e) lil kull offerent li ma ntagħżilx dwar id-dritt tiegħu ta’ appell rigward deċiżjoni meħuda skont is-subregolament (1).
(3) L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jżommu mistura ċerta informazzjoni msemmija fis-subregolamenti (1) u (2), rigward l-għoti ta’ kuntratt, il-konklużjoni ta’ ftehim qafas jew ammissjoni għal sistema dinamika ta’ xiri, fejn l-għoti ta’ din l-informazzjoni xxekkel l-infurzar tal-liġi, jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari, jew tkun tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi ekonomiċi.
