# PPR, regolament 239. Kriterji għall-għotja

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/239 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/239
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Mingħajr ħsara għal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jikkonċernaw il-prezz ta’ ċerti provvisti jew ir-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fuq l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża.
(2) Mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża għandha tiġi identifikata abbażi tal-prezz jew l-ispiża, bl-użu ta’ approċċ kost-effettiv, bħall-kalkolu tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja skont ir-regolament 240, u tista’ tinkludi l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, li għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali u, jew soċjali marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Dawn il-kriterji jistgħu jinkludu, pereżempju:
   (a) il-kwalità, inklużi l-mertu tekniku, il-karatteristiċi estetiċi u funzjonali, l-aċċessibilità, id-disinjar għall-utenti kollha, il-karatteristiċi soċjali, ambjentali u dawk innovattivi u l-kummerċ u l-kondizzjonijiet tiegħu;
   (b) l-organizzazzjoni, il-kwalifiki u l-esperjenza tal-persunal assenjat għat-twettiq tal-kuntratt, fejn il-kwalità tal-persunal assenjat tista’ tħalli impatt sinifikanti fuq il-livell tal-prestazzjoni tal-kuntratt; jew
   (ċ) is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-assistenza teknika, il-kondizzjonijiet ta’ twettiq bħad-data ta’ twettiq, il-proċess ta’ twettiq u l-perijodu ta’ twettiq jew il-perijodu ta’ tlestija.
(3) L-element ta’ spiża jista’ wkoll jieħu l-forma ta’ prezz fiss jew spiża fissa li abbażi tagħhom l-operaturi ekonomiċi jikkompetu fuq il-kriterji ta’ kwalità biss.
(4) fejn huma relatati max-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li għandhom jingħataw taħt dak il-kuntratt fi kwalunkwe aspett u fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inklużi l-fatturi involuti:
   (a) il-proċessi speċifiċi tal-produzzjoni, il-provvista jew il-kummerċ ta’ dawk ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi; jew
   (b) fi proċess speċifiku għal stadju ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.
(5) Il-kriterji tal-għoti għandhom jitqiesu li huma marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku wkoll fejn fatturi stabbiliti fis-subregolament (4) ma jagħmlux parti mis-sustanza materjali tagħhom.
(6) Il-kriterji tal-għoti ma għandux ikollhom l-effett li jagħtu lill-awtorità kontraenti libertà mingħajr restrizzjonijiet għall-għażla. Huma għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva u għandhom jiġu akkumpanjati mill-ispeċifikazzjonijiet li jippermettu li l-informazzjoni mogħtija mill-offerenti tiġi vverifikata b’mod effettiv sabiex jiġi vvalutat kemm l-offerti jissodisfaw il-kriterji tal-għoti. Fil-każ ta’ dubju, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jivverifikaw b’mod effettiv il-preċiżjoni tal-informazzjoni u l-evidenza mogħtija mill-offerenti.
(7) L-awtorità kontraenti għandha tispeċifika fid-dokumenti tal-akkwist, il-piż relattiv li hi tagħti lil kull wieħed mill-kriterji magħżula sabiex tiddetermina l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, għajr meta din tkun identifikata abbażi tal-prezz biss.
(8) Dawk il-proporzjonijiet jistgħu jkunu espressi billi tkun provduta sensiela b’firxa massima adattata.
(9) Fejn għal raġunijiet oġġettivi l-ippeżar mhuwiex possibbli, l-awtorità kontraenti għandha tindika l-kriterji f’ordni li tonqos skont l-importanza.
