# PPR, regolament 235. Serħan fuq il-ħiliet ta’ entitajiet oħra

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/235 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/235
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-qagħda ekonomika u finanzjarja kif stabbilit skont ir-regolamenti 218 sa 221, u l-kriterji relatati mal-abbiltà teknika jew professjonali kif stabbilit skont ir-regolamenti 222 u 223, operatur ekonomiku jista’, fejn dan ikun adegwat u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitjiet ta’ entitajiet oħra, irrilevanti min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom. Fir-rigward tal-kriterji relatati mal-kwalifiki edukattivi u professjonali kif jinsabu fir-regolament 232(f), jew l-esperjenza professjonali rilevanti, l-operaturi ekonomiċi jistgħu madankollu jiddependu biss fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra meta dawn tal-aħħar ser iwettqu l-ħidmiet jew is-servizzi li għalihom huma meħtieġa dawn il-kapaċitajiet. Meta operatur ekonomiku jkun irid jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, dan għandu jagħti prova lill-awtorità kontraenti li huwa ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, billi jippreżenta impenn minn dawk l-entitajiet għal dan il-għan.
(2) L-awtorità kontraenti għandha, f’konformità mar-regolamenti 225 sa 233, tivverifika jekk l-entitajiet li fuq il-kapaċità tagħhom l-operatur ekonomiku għandu l-intenzjoni li jiddependi, jissodisfawx il-kriterji ta’ għażla rilevanti u jekk hemmx raġunijiet għal esklużjoni skont it-Taqsima VI. L-awtorità kontraenti għandha tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li ma tissodisfax kriterju ta’ għażla rilevanti, jew li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet obbligatorji għal esklużjon jew li tkun ġiet black listed skont it-Taqsima VI.
(3) Fejn operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn fir-rigward ta’ kriterji relatati mal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtorità kontraenti tista’ tesiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
(4) Taħt l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fir-regolament 58 jista’ jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.
(5) Fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet, kuntratti ta’ servizzi u operazzjonijiet ta’ tqegħid fil-post jew ta’ istallazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ provvista, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li ċerti kompiti kritiċi jitwettqu direttament mill-offerent stess jew, fejn l-offerta tkun sottomessa minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fir-regolament 58, minn parteċipant f’dak il-grupp.
