# PPR, regolament 232. Mezzi ta’ prova tal-abbiltajiet tekniċi

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/232 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/232
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

Evidenza tal-abbiltajiet tekniċi tal-operaturi ekonomiċi tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ mezz wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin, skont in-natura, il-kwantità jew l-importanza, u l-użu tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi:
   (a) permezz tal-listi li ġejjin:
      (i) lista tax-xogħlijiet imwettqa matul massimu ta’ ħames snin, flimkien ma’ ċertifikati tat-twettiq u r-riżultat sodisfaċenti tal-aktar xogħlijiet importanti; fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ kompetizzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jindikaw li ser jittieħdu f’kunsiderazzjoni provi ta’ xogħlijiet rilevanti mwettqa aktar minn ħames snin qabel;
      (ii) lista tal-konsenji prinċipali effettwati jew is-servizzi ewlenin ipprovduti matul mhux aktar mill-aħħar tliet snin, bis-somom, dati u riċevituri involuti, kemm jekk pubbliċi kif ukoll jekk privati. Fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ kompetizzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jindikaw li jistgħu jieħdu f’kunsiderazzjoni provi ta’ provvisti jew servizzi rilevanti mwassla jew imwettqa aktar minn tliet snin qabel;
   (b) indikazzjoni tat-tekniċi jew il-korpi tekniċi involuti, kemm jekk jappartjenu jew le b’mod dirett għall-impriża tal-operatur ekonomiku, b’mod partikolari dawk responsabbli mill-kontroll tal-kwalità u, fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet, dawk li l-kuntrattur jista’ jinkariga sabiex iwettqu x-xogħol;
   (ċ) deskrizzjoni tal-faċilitajiet u l-miżuri tekniċi użati mill-operatur ekonomiku għall-iżgurar tal-kwalità u l-faċilitajiet ta’ studju u riċerka tal-impriża;
   (d) indikazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni u ta’ traċċar tal-katina tal-provvista li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’ japplika meta jwettaq il-kuntratt;
   (e) fejn il-prodotti jew is-servizzi li jridu jiġu pprovduti huma kumplessi jew, b’mod eċċezzjonali, huma meħtieġa għal skop speċjali, verifika mwettqa mill-awtoritajiet kontraenti jew f’isimhom minn korp uffiċjali kompetenti tal-pajjiż li fih huwa stabbilit il-fornitur tal-provvista jew il-fornitur tas-servizz, soġġett għall-ftehim ta’ dak il-korp, fuq il-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-fornitur tal-provvista jew il-kapaċità teknika tal-fornitur tas-servizz u, fejn dak ikun meħtieġ, fuq il-mezzi ta’ studju u riċerka li huma disponibbli għalih u l-miżuri ta’ kontroll tal-kwalità li ser iħaddem;
   (f) il-kwalifiki edukattivi u professjonali ta’ min jipprovdi servizz jew kuntrattur jew dawk tal-persunal maniġerijali tal-impriża u, sakemm ma jiġux ivvalutati bħala kriterju tal-għoti;
   (g) indikazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni ambjentali li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’ japplika meta jwettaq il-kuntratt;
   (h) dikjarazzjoni tal-ammont annwali medju ta’ ħaddiema tal-fornitur jew tal-kuntrattur tas-servizz u n-numru ta’ persunal amministrattiv għall-aħħar tliet snin;
   (i) dikjarazzjoni dwar l-għodod, l-impjant u t-tagħmir tekniku għad-dispożizzjoni tal-fornitur jew il-kuntrattur tas-servizz għat-twettiq tal-kuntratt;
   (j) indikazzjoni tas-sehem tal-kuntratt li l-operatur ekonomiku bi ħsiebu possibilment li jagħtih bħala subkuntratt;
   (k) fir-rigward tal-prodotti li għandhom jiġu pprovduti:
      (i) kampjuni, deskrizzjonijiet jew ritratti, li l-awtentiċità tagħhom trid tiġi ċertifikata fejn l-awtorità kontraenti titlob dan;
      (ii) ċertifikati mfassla minn istituti jew aġenziji uffiċjali tal-kontroll tal-kwalità b’kompetenza rikonoxxuta li jikkonfermaw il-konformità tal-prodotti identifikati b’mod ċar mir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet jew standards tekniċi.
