# PPR, regolament 231. Mezzi ta’ prova dwar qagħda finanzjarja

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/231 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/231
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Bħala regola ġenerali, il-prova tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-operatur ekonomiku tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ waħda jew aktar mir-referenzi li ġejjin:
   (a) dikjarazzjonijiet xierqa minn banek, jew, fejn xieraq, prova tal-assigurazzjoni ta’ indennizz għar-riskju professjonali rilevanti;
   (b) il-preżentazzjoni ta’ rendikonti finanzjarji jew estratti mir-rendikonti finanzjarji, fejn il-pubblikazzjoni tar-rendikonti finanzjarji tkun meħtieġa skont il-liġi tal-pajjiż li fih l-operatur ekonomiku jkun stabbilit;
   (ċ) dikjarazzjoni tal-fatturat ġenerali tal-impriża u, fejn xierqa, tal-fatturat fil-qasam kopert mill-kuntratt għal massimu tal-aħħar tliet snin finanzjarji disponibbli, jiddependi mid-data li fiha ġiet stabbilita l-impriża jew li fiha l-operatur ekonomiku beda l-attività, sa fejn l-informazzjoni dwar dawn il-fatturati tkun disponibbli.
(2) Fejn, għal kwalunkwe raġuni valida, l-operatur ekonomiku ma jkunx jista’ jipprovdi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti, jista’ jagħti prova tal-qagħda ekonomika u finanzjarja permezz ta’ kwalunkwe dokument ieħor li l-awtorità kontraenti tqis bħala adatt.
