# PPR, regolament 230. Mezzi ta’ prova fir-rigward tal-esklużjoni jew il-black listing ta’ operaturi ekonomiċi

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/230 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/230
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu ċ-ċertifikati, id-dikjarazzjonijiet u l-mezzi l-oħra ta’ prova imsemmijin f’dan ir-regolament kif ukoll fir-regolamenti 231 u 232 bħala evidenza tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni kif imsemmi fit-Taqsima VI u għall-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla skont ir-regolament 217.
(2) L-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jitolbu mezzi ta’ prova għajr dawk imsemmija f’dan ir-regolament u fir-regolamenti 231, 232 u 234. Fir-rigward tar-regolament 235, l-atturi ekonomiċi jistgħu jiddependu fuq kwalunkwe mezz adegwat sabiex jagħtu prova lill-awtorità kontraenti li ser jkollhom ir-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom.
(3) L-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw dan li ġej bħala evidenza suffiċjenti li l-ebda mill-każijiet speċifikati fir-regolamenti l192, 193, 194 u 199 ma japplikaw għall-operatur ekonomiku:
   (a) fir-rigward tar-regolament 192, tiġi pprovduta silta mir-reġistru relevanti, bħall-kondotta jew, fin-nuqqas ta’ din, ta’ dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti fl-Istat Membru jew fil-pajjiż ta’ oriġini jew fil-pajjiż fejn l-operatur ekonomiku jkun stabbilit billi juri li dawn ir-rekwiżiti ġew sodisfatti;
   (b) fir-rigward tar-regolamenti 193 u 194(a), ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru jew fil-pajjiż ikkonċernat.
(4) Fejn l-Istat Membru jew il-pajjiż inkwistjoni ma joħroġx dokumenti jew ċertifikati msemmija fis-subregolament (3), jew fejn dawn ma jkoprux l-każijiet kollha speċifikati fir-regolamenti 192, 193 u 194(a), dawn jistgħu jiġu sostitwiti b’dikjarazzjoni bil-ġurament jew, fi Stati Membri jew pajjiżi fejn ma hemmx dispożizzjoni għal dikjarazzjonijiet bil-ġurament, b’dikjarazzjoni solenni magħmula mill-persuna kkonċernata quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti, nutar jew korp professjonali jew kummerċjali kompetenti, fl-Istat Membru jew fil-pajjiż ta’ oriġini jew fl-Istat Membru jew fil-pajjiż fejn l-operatur ekonomiku ikun stabbilit.
(5) Fejn ikun rilevanti, id-Direttur għandu jipprovdi dikjarazzjoni uffiċjali li tistqarr li d-dokumenti jew ċertifikati msemmijin f’dan is-subregolament ma jinħarġux jew li huma ma jkoprux il-każijiet kollha speċifikati fir-regolamenti 192, 193 u 194(a). Dawn id-dikjarazzjonijiet uffiċjali għandhom ikunu disponibbli permezz tar-repożitorju online taċ-ċertifikati (e-Certis).
