# PPR, regolament 225. Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/225 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/225
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Fil-mument tas-sottomissjoni ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni jew tal-offerti, li t-tnejn ikollhom valur stmat li jaqa’ taħt ir-regolament 9(1)(b), l-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku (DEAU) li jikkonsisti minn awtodikjarazzjoni aġġornata bħala evidenza preliminari b’sostituzzjoni għal ċertifikati maħruġin minn awtoritajiet pubbliċi jew terzi persuni li jikkonfermaw li l-operatur ekonomiku rilevanti jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
   (a) mhuwiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fit-Taqsima VI li fihom l-operaturi ekonomiċi għandhom jew jistgħu jiġu esklużi;
   (b) jissodisfa l-kriterji rilevanti ta’ għażla li ġew stabbiliti skont ir-regolament 217;
   (ċ) fejn applikabbli, jissodisfa r-regoli u l-kriterji oġġettivi li ġew stabbiliti skont ir-regolament 237.
(2) Fejn l-operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra skont ir-regolament 235, id-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku għandu jkun fih ukoll l-informazzjoni msemmija fis-subregolament (1)(a) fir-rigward tat-tali entitajiet.
