# PPR, regolament 22. Attivitajiet ta’ akkwist ċentralizzat

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/22 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/22
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Awtorità kontraenti tista’ takkwista provvisti u, jew servizzi maħsuba għal awtoritajiet kontraenti, minn korp ċentrali għall-akkwisti.
(2) Awtoritajiet kontraenti jistgħu jakkwistaw xogħlijiet, provvisti u servizzi billi jużaw kuntratti mogħtija minn korp ċentrali għall-akkwisti, billi jużaw sistemi dinamiċi ta’ xiri operati minn korp ċentrali għall-akkwisti jew, sal-limitu stipulat fir-regolament 170, billi jużaw ftehim qafas konkluż minn korp ċentrali għall-akkwisti li joffri l-attività ċentralizzata tal-akkwisti msemmija fil-paragrafu (b) tat-tifsira "attivitajiet ta’ akkwist ċentralizzat". Fejn sistema dinamika tax-xiri li tkun operata minn korp ċentrali għall-akkwisti tista’ tintuża minn awtoritajiet kontraenti oħrajn, dan għandu jiġi indikat fis-sejħa għall-kompetizzjoni li tistabbilixxi dik is-sistema dinamika tax-xiri.
