# PPR, regolament 217. Kriterji tal-għażla

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/217 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/217
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Kriterji ta’ għażla jistgħu jirreferu għal:
   (a) l-adattabilità għat-twettiq tal-attività professjonali;
   (b) il-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja;
   (ċ) il-kapaċità teknika u professjonali.
(2) Bħala rekwiżiti għall-parteċipazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu biss il-kriterji msemmijin f’dan ir-regolament. Huma għandhom jillimitaw kwalunkwe rekwiżit għal dawk li huma addati biex jiġi żgurat li kandidat jew offerent għandu l-kapaċitajiet legali u finanzjarji u l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali li jwettaq il-kuntratt li għandu jingħata. Ir-rekwiżiti kollha għandhom ikunu relatati u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt.
(3) Fir-rigward tal-adattabilità għat-twettiq tal-attività professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jkunu rreġistrati f’wieħed mir-reġistri professjonali jew kummerċjali, kif spjegat fl-Anness XI tad-Direttiva 2014/24/UE.
(4) Fil-proċeduri tal-akkwist għal servizzi, sa fejn l-operaturi ekonomiċi jrid ikollhom awtorizzazzjoni partikolari jew ikunu membri ta’ organizzazzjoni partikolari sabiex ikunu jistgħu jwettqu s-servizz ikkonċernat fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, l-awtorità kontraenti tista’ titlobhom jagħtu prova li għandhom awtorizzazzjoni jew sħubija bħal din.
