# PPR, regolament 206. Black listing għal kondizzjonijiet inġusti ta’ impjieġ

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/206 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/206
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Id-Direttur tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali għandu jitlob lit-Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali sabiex persuna, kemm jekk fiżika kif ukoll ġuridika, tkun tista’ tiġi black listed milli tipparteċipa fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jekk dik il-persuna tkun:
   (a) naqset milli tipprovdi lill-impjegati tagħha kuntratt bil-miktub tas-servizz; jew
   (b) naqset milli tipprovdi lill-impjegati tagħha pay slip dettaljata li fiha d-dettalji kollha rilevanti inkluż l-ammont imħallas, in-numru normali ta’ siegħat li ta’ xogħol, siegħat ta’ sahra, siegħat ta’ xogħol fil-Ħdud u festi pubbliċi, siegħat użati għal leave ta’ assenza jew leave għal mard, spjegazzjoni dettaljata tal-bonuses u gratifikazzjonijiet kif ukoll tat-tnaqqis li jkun sar minnhom; jew
   (ċ) naqset milli tiddepożita l-pagi jew is-salarji bi ħlas dirett fil-kont tal-bank tal-impjegat; jew
   (d) naqset milli tipprovdi r-rendikonti tal-bank tad-depożiti, tal-pagi jew tas-salarji rilevanti u kopji dettaljati tal-pay slips li għandhom ikunu disponibbli kif u meta meħtieġ mid-Direttur tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali; jew
   (e) għaddiet il-kuntratt pubbliku b’titolu ta’ subkuntratt lil persuna oħra li timpjega l-istess impjegati tal-kuntrattur prinċipali sabiex twettaq l-istess dmirijiet jew dmirijiet simili għal eżekuzzjoni tal-istess kuntratt pubbliku.
(2) Meta d-Direttur tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jitlob sabiex tiġi black listed persuna legali, minbarra il-persuna legali, huwa jista’ jitlob ukoll għall-black listing tal-persuna naturali li tirrappreżenta dik il-persuna legali.
