# PPR, regolament 2. Interpretazzjoni

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/2 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/2
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt
- Amended by: A.L. 195 tal-2019; A.L. 56 tal-2021

Għall-finijiet ta’ dawn ir-regolamenti:
"akkwist" tfisser akkwist permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew aktar minn operaturi ekonomiċi, magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti, kemm jekk il-provvisti, xogħlijiet jew servizzi huma maħsuba għal għan pubbliku sew jekk le;
"attivitajiet ta’ akkwist anċillari" tfisser attivitajiet li jikkonsistu fl-għoti ta’ appoġġ għal attivitajiet ta’ akkwist, b’mod partikolari fil-forom li ġejjin:
   (a) infrastruttura teknika li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jagħtu kuntratti pubbliċi jew jikkonkludu ftehim qafas għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi;
   (b) pariri dwar it-tmexxija jew it-tfassil tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku;
   (ċ) tħejjija u ġestjoni ta’ proċeduri ta’ akkwist f’isem u akkont tal-awtorità kontraenti kkonċernata;
"attivitajiet ta’ akkwist ċentralizzat" tfisser attivitajiet imwettqa fuq bażi permanenti, f’waħda mill-forom li ġejjin:
   (a) l-akkwist ta’ provvisti u, jew servizzi maħsuba għal awtoritajiet kontraenti;
   (b) l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew il-konklużjoni ta’ ftehim qafas għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi maħsuba għal awtoritajiet kontraenti;
"avviż" tfisser avviż ippubblikat fil-Gazzetta;
"avviż dwar l-għoti ta’ kuntratt" tfisser avviż li għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
"avviż ta’ kuntratt" tfisser avviż li għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
"avviżi informattivi minn qabel" tfisser avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali skont dak li hemm speċifikat fit-Taqsima I;
"awtoritajiet kontraenti" tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi regolati mil-liġi pubblika, jew assoċjazzjonijiet maħluqa minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika;
"awtoritajiet reġjonali" tinkludi awtoritajiet elenkati b’mod mhux eżawrjenti fil-Nomenclature of Territorial Units for Statistics (NUTS) 1 u 2, kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, waqt li "awtoritajiet lokali" tinkludi l-awtoritajiet kollha tal-unitajiet amministrattivi li jaqgħu taħt NUTS 3 u unitajiet amministrattivi iżgħar, kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003;
"awtoritajiet tal-gvern ċentrali" tfisser l-awtoritajiet kontraenti elenkati fl-Iskeda 6 u, f’dak li jirrigwarda l-korrezzjonijiet jew l-emendi li saru fil-livell nazzjonali, l-entitajiet suċċessuri tagħhom;
"Bord ta’ Reviżjoni" tfisser il-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi;
"ċiklu tal-ħajja" tfisser l-istadji konsekuttivi u, jew marbutin bejniethom kollha, inklużi r-riċerka u l-iżvilupp li għad iridu jsiru, il-produzzjoni, il-kummerċ u l-kondizzjonijiet tiegħu, it-trasport, l-użu u l-manutenzjoni, matul l-eżistenza kollha tal-prodott jew tax-xogħlijiet jew tal-forniment tas-servizz, mix-xiri ta’ materja prima jew il-ġenerazzjoni ta’ riżorsi sar-rimi, l-approvazzjoni u sa tmiem is-servizz jew l-użu;
"CPV" tfisser il-Vokabolarju Komuni dwar l-Akkwisti Pubbliċi kif adottat bir-Regolament (KE) Nru. 2195/2002 kif emendat minn żmien għal żmien;
"Direttorat għall-Akkwist Settorjali" tfisser direttorat responsabbli għall-amministrazzjoni, evalwazzjoni u rakkomandazzjoni, f’isem l-awtoritajiet kontraenti imniżżla taħt l-Iskeda 16, tas-sejħiet għall-offerti pubblikati taħt proċedura miftuħa jew ristretta fejn l-stima tas-sejħa li taqbeż l-għaxart elef euro (€10,000) iżda ma taqbiżx is-seba' mija u ħamsin elf euro (€750,000);
"Direttur" tfisser id-Direttur tal-Kuntratti li jmexxi d-Dipartiment tal-Kuntratti;
"Direttur għall-Akkwist Settorjali" tfisser il-persuna responsabbli għall-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tad-Direttorat għall-Akkwist Settorjali;
"Direttur għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali" għandu jkollha l-istess tifsira mogħtija lilha fl-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.
"dokument ta’ akkwist" tfisser kwalunkwe dokument maħluq jew li ssir referenza għalih mill-awtorità kontraenti sabiex tiddeskrivi jew tiddetermina elementi tal-akkwist jew tal-proċedura, inkluż l-avviż dwar kuntratt, l-avviż informattiv minn qabel fejn dan jintuża bħala mezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, id-dokument deskrittiv, il-kondizzjonijiet proposti tal-kuntratt, il-formati għall-preżentazzjoni tad-dokumenti minn kandidati u offerenti, l-informazzjoni dwar obbligi applikabbli b’mod ġenerali u kull dokument addizzjonali, inklużi kjarifiki;
"fornitur ta’ servizzi ta’ akkwist" tfisser korp pubbliku jew privat li joffri attivitajiet anċillari ta’ xiri fis-suq;
"ftehim qafas" tfisser ftehim bejn xi waħda jew aktar mill-awtoritajiet kontraenti u xi wieħed jew aktar mill-operaturi ekonomiċi, li jkollu l-għan li jistabbilixxi l-pattijiet li jirregolaw kuntratti li għandhom jingħataw matul xi żmien partikolari, b’mod partikolari dwar il-prezzijiet u, meta jkun adatt, il-kwantità prevista;
"ineffettività" tfisser kuntratti mogħtija illegalment jew meta l-proċedura tal-akkwist ma’ ġietx osservata b’mod korrett;
"innovazzjoni" tfisser l-implimentazzjoni ta’ prodott, servizz jew proċess ġdid jew prodott, servizz jew proċess imtejjeb b’mod sinifikattiv, inklużi iżda mhux limitati għal proċessi ta’ produzzjoni, bini jew kostruzzjoni, metodu ġdid ta’ kummerċjalizzazzjoni, jew metodu ġdid ta’ organizzazzjoni fi prattiċi tan-negozju, l-organizzazzjoni tal-post tax-xogħol jew relazzjonijiet esterni, fost oħrajn sabiex jgħinu biex jiġu solvuti l-isfidi tas-soċjetà jew sabiex jappoġġjaw l-istrateġija ta’ Ewropa 2020 għal tkabbir inteliġenti, sostenibbli u inklussiv;
"kandidat" tfisser operatur ekonomiku li fittex stedina biex jipparteċipa jew ġie mistieden jipparteċipa fi proċedura ristretta, fi proċedura kompetittiva b’negozjar, fi proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel, fi djalogu kompetittiv jew fi sħubija għall-innovazzjoni;
"kandidat konċernat" tfisser kandidat li għadu ma rċeviex informazzjoni minn awtorità kontraenti dwar ir-rifjut għall-applikazzjoni tiegħu qabel in-notifika tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt lill-offerent involut;
"kompetizzjonijiet ta’ disinn" tfisser dawk il-proċeduri li jippermettu lill-awtorità kontraenti biex takkwista, prinċipalment fl-oqsma tal-ippjanar tal-ibliet u l-kampanja, l-arkitettura u l-inġinerija jew l-ipproċessar ta’ data, pjan jew disinn magħżul minn ġurija wara li jkun ġie sottomess għall-kompetizzjoni bl-għoti ta’ premji jew mingħajr;
"korp għall-evalwazzjoni tal-konformità" għandu jkun korp li jwettaq attivitajiet ta’ evalwazzjoni tal-konformità inklużi l-kalibrazzjoni, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjon akkreditati skont ir-Regoloament (KE) Nru. 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li tistabbilixxi l-ħtiġiet għall-akkreditazzjoni u sorveljanza fuq is-suq fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti;
"korp ta’ xiri ċentrali" tfisser awtorità kontraenti li tipprovdi attivitajiet ta’ akkwist ċentralizzat u, possibbilment, attivitajiet ta’ akkwist anċillari;
"korpi regolati bid-dritt pubbliku" tfisser korpi li jkollhom il-karatteristiċi li ġejjin:
   (a) huma stabbiliti għall-għan speċifiku li jilħqu l-esiġenzi li jinqalgħu fl-interess ġenerali, mingħajr ma jkollhom ebda xeħta industrijali jew kummerċjali;
   (b) ikollhom personalità ġuridika; u
   (ċ) huma finanzjati, mill-biċċa l-kbira, mill-Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku; jew huma soġġetti għas-superviżjoni maniġerjali minn dawk l-awtoritajiet jew korpi; jew ikollhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu maħtura mill-Istat, awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku;
"Kumitat ta’ Evalwazzjoni" tfisser bordijiet jew kumitati maħtura mill-awtoritajiet kontraenti sabiex jagħmlu evalwazzjoni tal-offerti riċevuti u biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwarhom;
"Kumitati tal-Kuntratti" tfisser il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti u, jew il-Kumitat Speċjali tal-Kuntratti;
"Kummissjoni" tfisser il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea;
"kunflitti ta’ interess" għall-inqas tfisser kull sitwazzjoni fejn persuna, inklużi membri tal-persunal tal-awtorità kontraenti jew ta’ fornitur ta’ servizzi li jaġixxu f’isem l-awtorità kontraenti, li huma involuti fit-tmexxija tal-proċedura ta’ akkwist jew jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultat ta’ dik il-proċedura, li għandhom, direttament jew indirettament, interess finanzjarju, ekonomiku jew interess personali ieħor li jista’ jitqies li jikkomprometti l-imparzjalità u l-indipendenza tagħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ akkwist;
"kuntratti diretti" tfisser kuntratti li jingħataw mingħajr il-ħtieġa ta’ sejħa minn qabel għal kompetizzjoni;
"kuntratti pubbliċi" tfisser kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi;
"kuntratti pubbliċi ta’ provvisti" tfisser kuntratti pubbliċi li għandhom bħala s-suġġett tagħhom ix-xiri, il-kera jew ix-xiri bin-nifs, bi jew mingħajr fakultà ta’ xiri, ta’ prodott li jistgħu jinkludu, b’mod inċidentali, operazzjonijiet ta’ tqegħid fil-post u installazzjoni;
"kuntratti pubbliċi ta’ servizzi" tfisser kuntratti pubbliċi li l-għan tagħhom hu l-akkwist ta’ servizzi għajr dawk li hemm referenza għalihom fit-tifsira ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi;
"kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet" tfisser kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan wieħed minn dawn li ġejjin:
   (a) l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet skont it-tifsira tal-Iskeda 15;
   (b) l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħol;
   (ċ) it-twettiq, bi kwalunkwe mezz, ta’ xogħol li jikkorrispondi għar-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti li teżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tip jew id-disinn tax-xogħol;
"mezzi elettroniċi" tfisser l-użu ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluż kompressar diġitali) u l-ħażna ta’ informazzjoni li tiġi trasmessa, mwassla u riċevuta bil-fili, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettromanjetiċi;
"miktub" jew "bil-miktub" tfisser kwalunkwe espressjoni li tikkonsisti fi kliem jew figuri li jistgħu jinqraw, jiġu riprodotti jew ikkommunikati wara, inkluż informazzjoni trasmessa u maħżuna permezz ta’ mezzi elettroniċi;
"Ministru" tfisser il-Ministru responsabbli għall-finanzi;
"modifika" tfisser kull bidla, varjazzjoni jew emenda għall-pattijiet oriġinali ta’ kuntratt inkluż iżda mhux limitat għall-introduzzjoni ta’ kondizzjonijiet ġodda u għat-tneħħija jew sostituzzjoni ta’ kondizzjonijiet eżistenti;
"offerent" tfisser operatur ekonomiku li jkun issottometta offerta;
"offerenti involuti" tfisser offerenti li jkunu għadhom ma ġewx esklużi definittivament. Esklużjoni tkun waħda definittiva jekk din tkun ġiet avżata lill-offerenti involuti u jew tkun ġiet ikkunsidrata bħala waħda leġittima mill-Bord ta’ Reviżjoni jew din ma tkunx tista’ tibqa’ soġġetta għal reviżjoni quddiem il-Qorti tal-Appell;
"offerta dipartimentali" tfisser offerti maħruġin minn awtoritajiet kontraenti b’valur stmat li jaqa’ taħt il-limitu stabbilit bir-regolament 9(1)(a);
"offerti inaċċettabbli" tfisser offerti sottomessi minn offerenti li ma għandhomx il-kwalifiki meħtieġa, u offerti li l-prezz tagħhom jeċċedi l-baġit tal-awtorità kontraenti kif determinat qabel il-ħruġ tal-proċedura ta’ akkwist;
"offerti mhux konformi" tfisser offerti li mhumiex konformi mad-dokumenti dwar l-akkwist, li jiġu riċevuti tard, offerti fejn ikun hemm evidenza ta’ kollużjoni jew korruzzjoni, jew li jinstabu li huma baxxi b’mod mhux normali mill-awtorità kontraenti;
"operatur ekonomiku" tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ persuni u, jew entitajiet bħal dawn, inkluża kwalunkwe assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, u għandha tkopri b’mod ugwali l-kunċetti ta’ kuntrattur, fornitur ta’ prodotti jew fornitur ta’ servizzi;
"persuna black listed" tfisser kwalunkwe persuna kemm jekk ġuridika kif ukoll fiżika, li magħha l-awtorità kontraenti u kull korp regolat bil-liġi pubblika huma projbiti milli jwettqu xi kuntratt pubbliku kemm jekk direttament jew bħala subkuntrattur jew bħala membru ta’ konsorzju u, jew impriża konġunta;
"pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-gvern" tfisser pjattaforma tal-akkwist elettroniku kif stabbilita mid-Direttur;
"proċeduri negozjati" tfisser dawk il-proċeduri li bihom l-awtoritajiet kontraenti jikkonsultaw mal-operaturi ekonomiċi li jagħżlu huma stess u jinnegozjaw il-pattijiet ta’ kuntratt ma’ xi wieħed jew aktar minnhom;
"proċeduri ristretti" tfisser dawk il-proċeduri li operatur ekonomiku jista’ jitlob li jipparteċipa fihom u li permezz tagħhom ikunu biss dawk l-operaturi ekonomiċi li jiġu mistednin mill-awtoritajiet kontraenti li jkunu jistgħu jagħmlu l-offerti tagħhom;
"referenza teknika" tfisser kull ħaġa li tista’ tingħata minn korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej, ħlief standards Ewropej, skont proċeduri adattati għall-iżvilupp ta’ ħtiġiet tas-suq;
"rekwiżiti tat-tikketti" tfisser ir-rekwiżiti li għandhom jintlaħqu mix-xogħlijiet, il-prodotti, is-servizzi, il-proċessi jew il-proċeduri inkwistjoni sabiex tinkiseb it-tikketta kkonċernata;
"SME" għandha l-istess tifsira bħal dik mogħtija lilha bir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE;
"speċifikazzjoni teknika" tfisser jew:
   (a) fil-każ ta’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet, it-totalità ta’ preskrizzjonijiet tekniċi b’mod partikolari fid-dokumenti tal-akkwist, li jiddefinixxu l-karatteristiċi meħtieġa ta’ materjal, prodott jew provvista, sabiex dawk jipprovdu l-użu li huma maħsuba għalih mill-awtorità kontraenti; dawk il-karatteristiċi jinkludu livelli ta’ prestazzjoni ambjentali u klimatika, disinn għar-rekwiżiti kollha (inkluża aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà) u evalwazzjoni tal-konformità, prestazzjoni, sikurezza jew dimensjonijiet, inklużi l-proċeduri li jikkonċernaw il-garanzija tal-kwalità, it-terminoloġija, is-simboli, l-ittestjar u l-metodi ta’ ttestjar, l-imballaġġ, l-immarkar u t-tikkettar, l-istruzzjonijiet għall-utenti u l-proċessi u l-metodi ta’ produzzjoni f’kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tax-xogħlijiet; barra minn hekk, dawk il-karatteristiċi jinkludu regoli relatati mad-disinn u l-ispejjeż, it-test, il-kondizzjonijiet ta’ spezzjoni u aċċettabbiltà għax-xogħlijiet u l-metodi jew tekniċi ta’ kostruzzjoni u l-kondizzjonijiet tekniċi kollha l-oħrajn li l-awtorità kontraenti qiegħda f’pożizzjoni li tippreskrivi, skont regolamenti ġenerali jew speċifiċi, fir-rigward tax-xogħlijiet kompluti u fir-rigward tal-materjali jew komponenti li dawn jinvolvu; jew
   (b) fil-każ ta’ provvista pubblika jew kuntratti ta’ servizzi, speċifikazzjoni f’dokument li jiddefinixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott jew servizz, bħal-livelli ta’ kwalità, il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali u klimatika, id-disinn għar-rekwiżiti kollha (inkluża l-aċċessibilità għal persuni b’diżabbiltà) u evalwazzjoni tal-konformtià, il-prestazzjoni, l-użu tal-prodott, is-sikurezza jew id-dimensjonijiet, inklużi rekwiżiti rilevanti għall-prodott fir-rigward tal-isem li taħtu jinbiegħ il-prodott, it-terminoloġija, is-simboli, l-ittestjar u l-metodi ta’ ttestjar, l-imballaġġ, l-immarkar u t-tikkettar, l-istruzzjonijiet għall-utenti, il-proċessi u l-metodi ta’ produzzjoni f’kull satdju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-provvista jew servizz u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-konformità;
"speċifikazzjoni teknika komuni" tfisser speċifikazzjoni teknika fil-qasam tal-ICT stabbilita skont l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 1025/2012;
"Stat Membru" tfisser stat membru tal-Unjoni Ewropea;
"standard" tfisser speċifikazzjoni teknika, adottata minn korp ta’ standardizzazzjoni rikonoxxut, għal applikazzjoni ripetuta jew kontinwa, li l-osservanza tiegħu mhijiex obbligatorja, u li jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
   (a) "standard internazzjonali" tfisser standard adottat minn korp ta’ standardizzazzjoni rikonoxxut u magħmul disponibbli għall-pubbliku b’mod ġenerali;
   (b) "standard Ewropew" tfisser standard adottat minn organizzazzjoni ta’ standardizzazzjoni Ewropea u magħmul disponibbli għall-pubbliku b’mod ġenerali;
   (ċ) "standard nazzjonali" tfisser standard adottat minn organizzazzjoni ta’ standardizzazzjoni nazzjonali u magħmul disponibbli għall-pubbliku b’mod ġenerali;
"TFUE" tfisser it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
"tikketta" tfisser kwalunkwe dokument, ċertifikat jew attestazzjoni uffiċjali li tikkonferma li x-xogħlijiet, il-prodotti, is-servizzi, il-proċessi jew il-proċeduri inkwistjoni jilħqu ċerti rekwiżiti;
"Valutazzjoni Teknika Ewropea" tfisser il-valutazzjoni dokumentata tal-prestazzjoni ta’ prodott tal-kostruzzjoni, fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tiegħu, skont id-Dokument ta’ Valutazzjoni Ewropew, kif imfisser fil-punt 12 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
"VAT" tfisser taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Att dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud;
"xogħol" tfisser l-eżitu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew inġinerija ċivili meħudin bħala ħaġa waħda li hija suffiċjenti fiha nnifisha biex taqdi funzjoni ekonomika jew teknika.
