# PPR, regolament 199. Black listing mid-Direttur

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/199 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/199
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt
- Amended by: A.L. 195 tal-2019

Id-Direttur jista’ jordna l-black listing ta’ operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura tal-akkwisti fejn:
   (a) l-operatur ekonomiku ġie dikjarat ħati ta’ reat minn kwalunkwe qorti jew tribunal għal reat li jirrigwarda l-liġi dwar l-impjiegi inklużi dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Att dwar l-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali jew kull leġislazzjoni sussidjarja magħmula taħt dak l-Att; jew
   (b) fejn l-operatur ekonomiku jkun nstab ħati ta’ reat li jirrigwarda l-kondotta professjonali tiegħu b’sentenza li jkollha saħħa ta’ res judicata skont il-liġijiet ta’ Malta, li tirrendi l-integrità tiegħu dubjuża; jew
   (ċ) fejn id-Direttur ikollu indikazzjonijiet plawsibbli biżżejjed biex jikkonkludi li l-operatur ekonomiku ikun daħal fi ftehim ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom l-għan li joħolqu tfixkil tal-kompetizzjoni; jew
   (d) fejn id-Direttur ġie infurmat bil-miktub minn awtorità kontraenti li l-operatur ekonomiku jkun wera nuqqasijiet sinifikanti jew persistenti fit-twettiq ta’ rekwiżit sostantiv taħt kuntratt pubbliku, jew kuntratt ta’ konċessjoni, li wassal għat-terminazzjoni antiċipata ta’ dak il-kuntratt preċedenti, penali jew sanzjonijiet komparabbli; jew
   (e) fejn l-operatur ekonomiku jkun instab ħati ta’ rappreżentazzjoni qarrieqa serja fl-għoti tal-informazzjoni rikjesta għall-verifika tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla, ikun żamm mistura tali informazzjoni jew ma jistax jissottometti d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont ir-regolament 226;
   (f) fejn l-operatur ekonomiku ikun ħa azzjoni biex jinfluwenza b’mod mhux adegwat il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, biex jakkwista informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tagħtih vantaġġi mhux xierqa fil-proċedura tal-akkwist jew biex jagħti informazzjoni qarrieqa b’negliġenza li jista’ jkollha influwenza materjali fuq deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-esklużjoni, l-għażla jew l-għoti;
   (g) ikun jista' jintwera permezz ta’ kwalunkwe mezz adegwat li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi l-operaturi ekonomiċi jiksru l-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali tal-ambjent, soċjali u tax-xogħol elenkati fl-Iskeda 13.
