# PPR, regolament 195. Tneħħija tal-esklużjoni

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/195 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/195
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) Operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fir-regolamenti 192 u 194 jista’ jipprovdi, fl-offerta tiegħu, evidenza, bil-għan li juri li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti mill-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist.
(2) L-operatur ekonomiku jitqies li jkun wera l-affidabbiltà tiegħu jekk jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkustanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa b’mod konkret miżuri tekniċi, organizzattivi u fil-persunal tiegħu li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri.
(3) Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkustanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. Fejn il-miżuri jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.
(4) L-operatur ekonomiku ma għandux ikun intitolat li jagħmel użu mill-possibbiltà li titneħħa l-esklużjoni kif previst f’dan ir-regolament jekk il-perijodu ta’ esklużjoni milli jipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta akkwisti jkun ġie stabbilit b’sentenza finali.
