# PPR, regolament 192. Esklużjoni għal raġunijiet ta’ kundanna

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/192 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/192
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) L-awtorità responsabbli għat-tmexxija tas-sejħa għandha teskludi operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura tal-akkwist fejn tkun stabbilixxiet, jew tkun b’xi mod ieħor konxja li dak l-operatur ekonomiku kien is-suġġett ta’ kundanna b’sentenza definittiva għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
   (a) parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, kif definita fl-Artikolu 2 tad-Deċiżijoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/JHA jew reat ekwivalenti taħt il-liġi ta’ Malta jew kif imfisser fil-liġi nazzjonali tal-operatur ekonomiku;
   (b) korruzzjoni, kif definita fl-Artikolu 3 tal- Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/568/JHA jew reat ekwivalenti taħt il-liġi ta’ Malta jew kif imfisser fil-liġi nazzjonali tal-operatur ekonomiku;
   (ċ) frodi skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej jew reat ekwivalenti taħt il-liġi ta’ Malta jew kif imfisser fil-liġi nazzjonali tal-operatur ekonomiku;
   (d) reati terroristiċi jew reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi, kif definiti fl-Artikoli 1 u 3 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI rispettivament, jew inċitament jew għajnuna jew tixwix jew tentattivi għal twettiq ta’ reat, kif spjegat fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas jew reat ekwivalenti taħt il-liġi ta’ Malta jew kif imfisser fil-liġi nazzjonali tal-operatur ekonomiku;
   (e) ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew reat ekwivalenti taħt il-liġi ta’ Malta jew kif imfisser fil-liġi nazzjonali tal-operatur ekonomiku;
   (f) it-tħaddim tat-tfal u forom oħra ta’ traffikar tal-bnedmin kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew reat ekwivalenti taħt il-liġi ta’ Malta jew kif imfisser fil-liġi nazzjonali tal-operatur ekonomiku.
(2) L-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku għandha tapplika wkoll fejn il-persuna kkundannata b’sentenza definittiva hija membru tal-korp amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ superviżjoni ta’ dak l-operatur ekonomiku jew li għandu setgħat ta’ rappreżentanza, deċiżjoni jew kontroll fi ħdanu.
(3) Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà msemmija fir-regolament 195, il-perijodu ta’ esklużjoni għar-raġunijiet identifikati taħt dan ir-regolament għandu jkun ta’ ħames snin li jibdew mid-data meta s-sentenza tkun finali.
