# PPR, regolament 188. Stedina tal-offerti ammissibbli

- URL: https://procurelex.mt/mt/ppr/188 · English: https://procurelex.mt/en/ppr/188
- Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku (L.S. 601.03), consolidated version in force from 2025-06-27; official text (prevails): https://legislation.mt/eli/sl/601.3/mlt

(1) L-offerenti kollha li jkunu ressqu offerti ammissibbli għandhom jiġu mistiedna b’mod simultanju b’mezzi elettroniċi sabiex jieħdu sehem fl-irkant elettroniku billi jintużaw, mid-data u l-ħin speċifikati, il-konnessjonijiet skont l-istruzzjonijiet stabbiliti fl-istedina. L-irkant elettroniku jista’ jseħħ f’għadd ta’ fażijiet suċċessivi. L-irkant elettroniku ma għandux jibda’ qabel jumejn wara d-data li fiha ntbagħtu l-istedini.
(2) L-istedina għandha tkun akkumpanjata mir-riżultat tal-evalwazzjoni sħiħa tal-offerta rilevanti, imwettqa skont il-piż speċifikat fir-regolament 239(7).
(3) L-istedina għandha tiddikjara wkoll l-istat tal-formula matematika li għandha tintuża fl-irkant elettroniku sabiex jiġu determinati l-klassifikazzjonijiet awtomatiċi l-ġodda fuq il-bażi tal-prezzijiet il-ġodda u, jew il-valuri l-ġodda sottomessi. Ħlief fejn tiġi identifikata l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża abbażi tal-prezz biss, dik il-formula għandha tinkorpora l-piż tal-kriterji kollha stabbiliti sabiex tiġi determinata l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, kif indikat fl-avviż użat bħala mezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni jew f’dokumenti oħrajn ta’ akkwist. Madanakollu, għal dan il-għan, kull medda għandha titnaqqas minn qabel għall-valur speċifikat.
(4) Fejn huma awtorizzati varjanti, għandha tingħata formula separata għal kull varjant.
